It-Tnejn filgħodu bdew jingħataw mijiet ta’ dożi addizzjonali tal-vaċċin kontra l-COVID-19 lir-residenti fid-djar tal-anzjani madwar Malta.
Dan fi proċess li se jara eluf ta’ anzjani jirċievu d-doża addizzjonali fil-ġimgħat li ġejjin.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u l-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia żaru dar tal-anzjani fil-Furjana fejn kienu qed jingħataw dawn id-dożi.
Il-Ministru għas-Saħħa aċċenna fuq l-importanza li persuni vulnerabbli jieħdu din id-doża biex l-immunità tagħhom kontra l-Coronavirus tibqa’ b’saħħitha.
Dan b’mod partikolari meta ninsabu fuq l-għatba tax-xhur xitwin, u allura l-istaġun tal-influwenza.
Chris Fearne fakkar li persuni b’immunità baxxa minħabba problemi mediċi passati, se jibdew jirċievu l-istedina għall-appuntamenti tad-doża addizzjonali mil-lum.
Il-Ministru għall-Anzjani qal li se jkunu qed jingħataw madwar ħames mitt tilqima kuljum lill-anzjani li jgħixu fi djar tal-anzjani u anki dawk fir-residenza San Vinċenz de Paul.
Dan il-proċess qed isir b’ħidma konġunta bejn l-Awtoritajiet tas-Saħħa u l-Awtorità għall-Istandards ta’ Kura Soċjali.