Hekk kif il-Gvern għaddej bix-xogħol fuq l-akkomodazzjoni soċjali tiegħu, ONE News żar il-lokalità tar-Rabat, fejn fid-djar tal-akkomodazzjoni soċjali sar xogħol ta’ restawr fosthom iż-żieda ta’ liftijiet.
Dan l-istazzjon tkellem ma’ Mary Genovese, mara li għal dawn l-aħħar tlieta u tletin sena, ilha tgħix fl-akkomodazzjoni soċjali.
Hija spjegat kif f’aktar minn tliet deċenji, dawn in-naħat kienu minsija u meta raw li l-Gvern ħa inizzjattiva, ma ridux jemmnu.
Qalet, “Tista’ taħseb kif tħossok hux, anke rajnihom qed jiżbgħu bdejna nifirħu aħna aħseb u ara kif lestwehom. Għamlulna l-bjut ukoll, kollox bit-turretti b’kollox.”
Hija spjegat kif fost l-oħrajn dawn in-naħat raw faċċati ta’ żebgħa ġodda minn ġewwa u anke barra, tankijiet tal-ilma u anke dawl ġdid.
Mary qaltilna wkoll dwar ir-realtà ta’ nuqqas ta’ sigurtà li kienu jħossu r-residenti ta’ dawn il-blokok fi snin sħaħ mingħajr sistema tal-intercom.
Spjegat, “Għamlu l-intercom, qabel lanqas kellna xejn, bil-bieb ta’ barra miftuħ beraħ dejjem.”
Apparti minn hekk, bħalissa f’dawn il-blokok għaddejja l-kostruzzjoni ta’ diversi liftijiet, sabiex tissaħħaħ l-aċċessibilità għar-residenti kollha.
Mary stqarret kif meta jitlestew dawn ix-xogħolijiet, ir-residenti, b’mod speċjali l-anzjani se jieħdu r-ruħ.
Qalet, “Nieħdu r-ruħ hux. Jekk trid tinżel tixtri, tħallas id-dwal u l-imbarazz, kollox trid tagħmel. Issa jien naqra ma niflaħx irrid lil tal-ħanut iġġibomli l-affarjiet.”
Dan ix-xogħol mhuwiex wieħed uniku, hekk kif f’dawn l-aħħar xhur kienu diversi żoni ta’ akkomodazzjoni soċjali madwar il-gżejjer Maltin li raw proġetti simili.
F’dan ix-xahar stess il-Gvern investa kważi tliet miljun ewro biex tissaħħaħ l-istruttura tal-binja t’akkomodazzjoni soċjali f’Binja Buqana, liema binja kienet ilha fil-bżonn ta’ rinovar mis-snin disgħin.