Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech ċeda għall-pressjoni u kien kostrett jagħmel reshuffle fix-Shadow Cabinet tiegħu, skont dak li ordnalu jagħmel Beppe Fenech Adami ftit tal-ġimgħat ilu.
Dan ħareġ il-Ġimgħa waranofsinhar fi stqarrija mill-Partit Nazzjonalista li indikat it-tibdiliet li saru fix-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech.
Tibdiliet li jixhdu kif Bernard Grech ċeda għall-pressjoni li għamlitlu l-klikka li tal-establishment magħrufa għall-ħakma tagħha fuq it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Fil-fatt, din l-istess klikka, permezz ta’ wieħed mill-esponenti ewlenin tagħha Beppe Fenech Adami, kienet għamlitha ċara li Bernard Grech għamel żball li ħalla lil Chris Said, lil Mario De Marco, u lil Carm Mifsud Bonnici mingħajr portafoll fix-Shadow Cabinet ta’ Grech.
Dakinhar Fenech Adami qal li jippretendi li s-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.
“Naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
U fil-fatt, hekk ġara, hekk kif Bernard Grech obda minn dak li qallu Beppe Fenech Adami u reġa’ daħħal lil Chris Said, Mario de Marco u Carm Mifsud Bonnici lura fix-Shadow Cabinet tiegħu.
Lil Chris Said, li kien espona d-diżappunt tiegħu b’mod ċar lejn il-Kap talli ma nkludihx fil-Grupp Parlamentari lura f’April li għadda, meta sarkastikament tenna kif hu flimkien ma’ de Marco u Mifsud Bonnici kienu l-uniċi li servew fl-aħħar Kabinett tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, Bernard Grech poġġih Kelliem għall-Kwalità tal-Ħajja.
Mario de Marco ngħata l-portafoll tat-Turiżmu, qasam li l-Partit Nazzjonalista kien ilu tliet xhur mingħajr kelliem għalih u l-midja rrimarkat għal dan.
Dan filwaqt li Carm Mifsud Bonnici tpoġġa Kelliem għar-Riforma Kostituzzjonali.
Intant l-ewlieni tal-klikka li tmexxi lil Bernard Grech Karol Aquilina, baqa’ b’saħħtu u żamm postu bħala Kelliem għall-Ġustizzja, is-suġġett li fuqu joħroġ stqarrijiet ftit wara li joħroġ stqarrijiet simili ħuħ bħala President tal-għaqda Repubblika.
Żamm postu wkoll Jerome Caruana Cilia bħala Kelliem għall-Finanzi li salva minkejja l-froġa li għamel bid-dokument ta’ qabel il-Budget mimli żbalji bażiċi li rrimarkaw għalihom anki l-midja indipendenti.
Dawn kienu ddeskrivew id-dokument li ħejja għall-Kap bħala “mess”.
Intant Albert Buttigieg ingħata portafoll filwaqt li Bernard Grech kellu jbiddel il-portafolli għal Deputati oħra.