L-għaqda Repubblika mmexxija minn Robert Aquilina, ħu l-Kelliem għall-Ġustizzja ta’ Bernard Grech, ħarġet tiddefendi d-dewmien fl-inkjesta maġisterjali dwar il-każ ta’ Jean Paul Sofia mmexxija mill-Maġistrat Marseanne Farrugia.
Dan kien l-istess messaġġ li ilha ttenni l-Oppożizzjoni anki b’nies ta’ Bernard Grech, fosthom Karol Aquilina, li nfexxew f’attakki fuq il-Prim Ministru u ma ngħaqdux miegħu f’appell biex mingħajr aktar dewmien tiġi konkluża l-inkjesta.
Fi stqarrija li ħarġet l-għada li l-Maġistrat inkwirenti talbet estensjoni oħra biex tagħlaq l-inkjesta maġisterjali, bħall-Partit Nazzjonalista, l-għaqda Repubblika mhux biss iddefendiet id-dewmien iżda attakkat lill-Prim Ministru talli għal darba darbtejn kiteb lill-Prim Imħallef Dr Mark Chetcuti biex juża s-setgħat li għandu biex il-Maġistrat Farrugia tagħmel ġustizzja mal-gravità tal-każ u tasal għall-konklużjonijiet tagħha billi tagħlaq l-inkjesta mingħajr aktar dewmien.
Repubblika akkużat lill-Prim Ministru b’disprezz u sostniet li l-Prim Ministru qed jugża lill-Maġistrat għand il-Prim Imħallef.
Fl-aħħar ittra lill-Prim Imħallef il-Prim Ministru saħaq li t-terminu statutorju li fih għandha inkjesta, skont il-Kodiċi Kriminali, skada bil-bosta u hu ta’ tħassib għall-Gvern u għall-Parlament li minkejja dan, ma hemm l-ebda indikazzjoni pubblika li din l-inkjesta qegħda tingħata prijorità.
Dan apparti li fil-konferenza tal-aħbarijiet li fiha ħabbar il-ħatra ta’ inkjesta mmexxija mill-Ombudsman, l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit Mckeon, u komposta mill-Awditur Ġenerali Charles Deguara u l-espert tal-Qorti Dr Mario Scerri, il-Prim Ministru aċċenna li l-inkjesta maġisterjali għandha tiġi konkluża għaliex huwa biha li jitressqu n-nies il-Qorti, jiġu akkużati u jwieġbu għal għamilhom.