Il-President tal-għaqda Repubblika u ħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, Robert Aquilina baqa’ jsostni u jiddefendi lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, tant li qal dan għamel inqas ħażin.
Qal, “Għidna wkoll u nerġgħu ngħidu illi hemm livelli ta’ gravità differenti ta’ dak li hu ħażin.”
Tar-Repubblika qal dan għall-mistoqsijiet tagħna dwar żvelar t’aktar rigali li ħa Jason Azzopardi mingħand is-suspettat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Filwaqt li Jason Azzopardi u esponenti tar-Repubblika u anki Manuel Delia fetħu attakk fuq l-Imħallef Giovanni Griscti għax fl-2008 xtara dgħajsa mingħand George Fenech, missier Yorgen Fenech, fl-istess sena, lejliet l-elezzjoni ġenerali ta’ dik is-sena, Jason Azzopardi akkwista b’xejn mingħand Yorgen Fenech innifsu, ballroom fil-Hilton għal coffee morning biex jidher sabiħ mal-kostitwenti tiegħu.
L-attakk fuq l-Imħallef sar sigħat qabel dan kellu jiddeċiedi dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech.
Quddiem it-tweġiba li Jason Azzopardi għamel inqas ħażin, ONE News reġa’ staqsa, din id-darba fuq Adrian Delia, li fl-aħħar ġimgħat ġie allegat li kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari dwar il-kumpanija 17 Black.
Għar-Repubblika l-istorja kienet differenti u ħu Karol Aquilina sostna dak li mar jiġri jgħid fi stqarrija meta ħarġet l-allegazzjoni fuq il-Lovinmalta.
Qal, “Aħna għidna li jekk ikun pruvat dak li ntqal fuq Adrian Delia, ikollu jirreżenja.”
Tar-Repubblika għamluha ċara li jitolbu għar-riżenja ta’ Delia iżda mhux ta’ Jason Azzopardi, b’tal-ewwel anki ċaħad u fetaħ libell dwar l-allegazzjoni inkwistjoni.
Intant, ftit minuti biss qabel il-konferenza tal-aħbarijiet ta’ Repubblika, il-Partit Nazzjonalista bagħat stqarrija bl-istess messaġġ ta’ Repubblika dwar l-inkjesta pubblika, xhieda ta’ kif il-Partit ta’ Bernard Grech u Repubblika saru ħaġa waħda, speċjalment mindu ltaqgħu ftit tal-ġimgħat ilu biex jiddiskutu strateġija politika.