L-għaqda Repubblika ħarġet tattakka lill-Prim Ministru Robert Abela wara li t-Tnejn filgħaxija reġa’ nsista li għandu jkun hemm ir-rettezza fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Dr Abela tkellem dwar l-inkjesta tal-Maġistrat Gabriella Vella fuq il-konċessjoni tal-isptarijiet u l-mod u l-ħin kif din ġiet ippreżentata lill-uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Fi stqarrija t-Tlieta filgħodu, Repubblika rreferiet għad-diskors tal-Prim Ministru bħala “stqarrijiet awtoritarji u Faxxisti”.
F’konferenza stampa fil-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru semma mill-ġdid it-timeline tal-inkjesta mill-Maġistrat Gabriella Vella, li suppost kellha tingħalaq f’60 jum, iżda ġiet ippreżentata ħames snin wara proprju fis-siegħa u l-jum li fetħu n-nominazzjonijiet għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Dr Abela wkoll ma naqasx li jirreferi għal-leakages li saru tul il-proċess twil tal-inkjesta, b’membri mill-għaqda Repubblika, fosthom illum il-President Onorarju u ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, jidher f’postijiet fejn kien qed isir stħarriġ tal-inkjesta maġisterjali.
Inkjesta Maġisterjali li fuqha ngħataw bi ħdax-il miljun ewro f’direct orders.
Ma’ Repubblika, infexx f’attakk, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech li wara li jissiġilla Karol Aquilina bħala l-kelliem tiegħu għall-ġustizzja, il-Kap tal-Oppożizzjoni ammetta hu stess li hu jsegwi d-direzzjonijiet li jingħatawlu.
Qal, “Għandna timeline, napprezza u tapprezza li dak it-timeline aħna sejrin insegwuh skont id-direzzjonijiet u skont ukoll il-prijoritajiet li aħna jkollna.”