L-għaqda Republika issa ħarġet tattakka u toħodha qatta’ bla ħabel kontra l-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà.
F’diskors li għamel quddiem id-Depot, il-President tal-għaqda Republika, ħu d-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina saħansitra stqarr li fiż-żmien kemm ilu Kummissarju, Angelo Gafà m’għamel xejn.
Dan qalu fl-istess ġurnata li f’rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-saltna tad-dritt f’pajjiżna ġie rikonoxxut kif taħt il-Kummissarju tal-pulizija l-ġdid ġiet imnedija strateġija ġdida li ser issaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.
Fid-diskors tiegħu, Robert Aquilina stqarr li l-Kummissarju tal-Pulizija ntgħażel mill-Prim Ministru Robert Abela.
Dan għalkemm kif irrikonoxxiet ukoll il-Kummissjoni Ewropea stess, il-Kummissarju Angelo Gafà kien l-ewwel Kummissarju f’pajjiżna maħtur bi proċedura ġdida li rat it-tneħħija ta’ indħil politiku fil-ħatra u bidla minn kif kienet issir il-ħatra ta’ Kummissarju anke taħt amministrazzjonijiet preċedenti.
Fil-fatt Angelo Gafà nħatar wara sejħa pubblika u wara li ġie skruttinizzat mill-Kumitat Parlamentari għall-Ħatriet Pubbliċi, liema skrutinju, l-Oppożizzjoni lanqas ħadet sehem fih.
Dwar iż-żmien li fih il-Korp tal-Pulizija rnexxielu jagħlaq każijiet kbar u ressaq quddiem il-ġustizzja numru ta’ persuni mixlija b’korruzzjoni u ħasil ta’ flus, għall-għaqda Repubblika dan kien biss bis-saħħa tagħhom.
Robert Aquilina, li hu ħu l-unika deputat li bħalissa jinsab il-Qorti jaffaċja proċeduri kriminali kontra tiegħu qal kif issa l-għaqda Republika m’għandiex fiduċja lanqas fil-Kummissarju tal-pulizija Angelo Gafa.
Fil-protesta quddiem id-depot tal-pulizija għal darba oħra reġgħu ħarġu fid-deher ir-rabtiet b’saħħithom li l-għaqda Repubblika għandha mal-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra kien hemm preżenti wkoll ħu d-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, Michael Fenech Adami.
Dan li ġmielu jdur imqabbad ma djul Robert Aquilina u Manuel Delia, fi tmiem il-ġimgħa spiċċa ħa siġġu fl-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.