Il-grupp Repubblika permezz tad-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, u l-eks-Segretaju Ġenerali tal-PN Paul Borg Olivier, iridu li jibagħtu lil Prim Ministru Robert Abela u l-membri tal-kabinett kollha l-ħabs wara d-deċiżjoni li ttieħdet dwar l-għeluq tal-portijiet.
Fi protest ġudizzjarju ffirmat mill-Avukati Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier, Andrew Borg Cardona u Eve Borg Cosanzi, ġie mitlub li l-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-membri kollha tal-kabinett jinżammu kriminalment responsabbli talli l-kabinett tal-Ministri ddeċieda li minħabba s-sitwazzjoni preżenti ta’ Coronavirus, pajjiżna ma jiflaħx jieħu aktar immigranti.
Il-kabinett tal-Ministri aktar kmieni l-ġimgħa l-oħra kiteb lill-Kummissjoni Ewropea li huwa ma setax jassigura aktar salvataġġi ta’ immigranti rregolari fil-baħar Mediterran u lanqas jilqa’ aktar immigranti fi żmien fejn ir-riżorsi kollha tal-pajjiż huma użati sabiex tkun miġġielda l-pandemija.
Ftit tal-jiem ilu l-Ministru tal-Affarjiet Barranin Evarist Bartolo offra soluzzjoni umanitarja ppilotata minn Malta u appella lill-Unjoni Ewropea sabiex ma tħallix lil Malta waħidha.
Il-kabinett tal-Ministri saħaq li ma jistax ikun li Malta li hija d-daqs ta’ belt żgħira fl-Ewropa terfa’ fuq spallitha hi waħidha l-kriżi tal-immigrazzjoni.
Iżda għal dawn l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, għax il-Kabinett tal-Ministri ħa deċiżjoni sabiex iħares l-interessi tal-poplu Malti u Għawdxi u sabiex jassigura li r-riżorsi kollha li għandna għad-dispożizzjoni jmorru sabiex insalvaw il-ħajjiet minn Coronavirus, f’mossa partiġġjana jridu jitfgħu l-Prim Ministru u l-Kabinett kollu l-ħabs.
Esponenti bħal Jason Azzopardi, Paul Borg Olivier u Andrew Borg Cardona huma magħrufa għad-diviżjoni li jippruvaw joħolqu minn kull tema li qed tkun diskussa fil-pajjiż, bi kliem u azzjonijiet mimlijin firda.