L-Għaqda Repubblika hija fost dawk li fl-aħħar xhur ħadu d-donazzjonijiet mingħand persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija permezz tal-programm ta’ ċittadinanza.
Irrappurtat dwar dan il-gażżetta Illum, fil-ħaġa tagħha tal-Ħadd hekk kif innutat li din l-istess għaqda ħadet dawn id-donazzjonijiet minkejja li għal aktar minn darba kienet qalet li l-programmi ta’ ċittadinanza għandhom jitwaqqfu.
L-Illum spjegat kif din l-informazzjoni ħarġet minn informazzjoni li ngħatat fil-Parlament mill-Ministru għall-Intern Byron Camilleri hekk kif kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet mid-Deputat Graziella Galea.
Fil-fatt, il-Ministru Camilleri, fit-tweġiba tiegħu spjega li l-liġi tistipula li qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza, l-applikanti “huma obbligati li jagħtu donazzjoni ta’ xejn inqas minn €10,000 lil organizzazzjoni jew soċjetà mhux governattiva filantropika, kulturali, sportiva, xjentifika, tat-trattament xieraq tal-annimali jew artistikali tkun irreġistrata jew kif approvat mod ieħor mill-Aġenzija.”
Kien hawn li l-Ministru Camilleri provda lista ta’ dawk l-għaqdiet kollha li gawdew minn dawn id-donazzjonijiet.
Fosthom tfeġġ l-Għaqda Repubblika li fl-aħħar snin kritikat bil-qawwi dawn il-programmi li permezz tagħhom pajjiżna gawda minn introjtu kbir.
Fost oħrajn, mill-programm taċ-ċittadinanza b’investiment li ġie fit-tmiemu fl-2020 pajjiżna daħħal ’il fuq minn €1.7 biljun.
Filwaqt li pajjiżna ra li jżomm dawn it-tip ta’ programmi, ra wkoll li jkompli jsaħħaħ l-iskrutinju rigoruż fil-konfront ta’ dawk li japplikaw għal ċittadinanza Maltija.
Intant, il-President ta’ Repubblika bgħat dritt ta risposta u qal li ma kienx jaf min ta din id donazzjoni, anke jekk x’aktarx din hi donazzjoni ta’ mijiet jew eluf ta’ ewro.