L-għaqda Repubblika fetħet protest ġudizzjarju kontra l-Prim Ministru, Robert Abela, u l-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri.
Il-protest ġudizzjarju, dwar il-każ tal-arrest fl-Italja ta’ Iosif Galea, kien iffirmat minn Jason Azzopardi.
Fil-protest, li dwaru ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina mar jagħmel konferenza tal-aħbarijiet barra l-Qorti, intqal li għandha ssir inkjesta. Tal-għaqda Repubblika dan għamluh minkejja li t-Tnejn filgħaxija, fil-Parlament, il-Ministru għall-Intern innifsu ħabbar li kienet intalbet investigazzjoni dwar il-każ ta’ Iosif Galea, wara mandat ta’ arrest internazzjonali.
Il-messaġġ tal-għaqda Repubblika fil-protest ġudizzjarju mressaq minn Jason Azzopardi huwa l-istess bħal dak tal-Partit Nazzjonalista, li osservaturi politiċi rrimarkaw li, anki fuq dan il-każ, qed jilgħab logħob partiġġjan.
Quddiem dan kollu, il-Ministeru għall-Intern saħaq li l-Independent Police Complaints Board u l-Imħallef irtirat Franco Depasquale, li jmexxih, għandhom jitħallew jaħdmu u jwettqu l-investigazzjonijiet tagħhom f’serenità u skont il-liġi.
Fil-fatt dan il-bord tqabbad biex jinvestiga l-każ inkwistjoni.
Fi stqarrija li ħareġ l-Erbgħa, il-Ministeru appella biex il-kummenti li jsiru jkunu bbażati fuq il-fatti u l-entitajiet jitħallew jagħmlu xogħolhom skont il-liġi mingħajr ma jispiċċaw għodda ta’ logħob partiġġan.
Din mhux l-ewwel darba li l-għaqda Repubblika, permezz ta’ Jason Azzopardi, fetħet proċeduri kontra l-Gvern.
Sentejn ilu, Jason Azzopardi fetaħ kwerela kontra l-Prim Ministru u anki kontra suldati tal-Forzi Armati ta’ Malta u ried jitfagħhom il-ħabs wara li akkużahom b’attentat ta’ qtil ta’ immigranti.
L-istess għaqda Repubblika kienet talbet ukoll inkjesta fuq il-Prim Ministru dwar l-imxija tal-Covid-19.