Delegazzjoni uffiċjali u grupp ta’ artisti minn Xi’an qed iżuru pajjiżna biex jippromwovu skambji kulturali u bilaterali waqt avvenimenti speċjali, li qed jorganizza ċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, fl-okkażjoni tal-20 sena anniversarju mill-ftuħ tiegħu fostna.
ONE News tkellem ma’ Yuan Yuan, Direttriċi taċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta, li jinsab fil-Belt Valletta, fejn spjegat is-simboliżmu wara għotja lil pajjiżna ta’ par statwi, li huma repliki ta’ dawk storiċi li nstabu fil-belt ta’ Xi’an. L-istatwi se jkunu qed iżejnu l-Ġnien tas-Serenità f’Santa Luċija, magħruf ukoll bħala l-Ġnien taċ-Ċiniżi.
Yuan qaltilna li l-komunità Ċiniża hi ferm grata li tagħti din id-donazzjoni, li ġiet ippreżentata mill-Amministrazzjoni Muniċipali tal-Kultura u t-Turiżmu ta’ Xi’an. Din hi l-ewwel darba li repliki simili qed jingħataw lil xi pajjiż ieħor barrani.
Qal, “It’s a symbol of our friendship and usually Xi’an would present such a beautiful copy of the Terra Cotta warriors to the sister cities and this year the China Cultural Centre in Malta is very privileged to be the annual partner of Xi’an in countries’ changes.”
Il-Gwerriera tat-Terrakotta kienu nstabu f’Lintong, Xi’an, f’Marzu tal-1974. Matul is-snin kienu mijiet ta’ mexxejja barranin u politikanti li żaru din il-mervalija, li minn dakinhar saret attrazzjoni ewlenija.
Is-suldati kienu nħolqu fi żmien id-Dinastrija tal-ewwel Imperatur Ċiniż Qin Shi Huang, bil-għan li “joffru protezzjoni” lill-mexxejja tal-pajjiż wara mewthom.
Sadanittant ONE News żar it-tħejjijiet għat-tqegħid tal-istatwi fi Ġnien is-Serenità qabel l-avvenimenti li se jiġu organizzati f’pajjiżna, fejn se jiġu inawgurati għada filgħaxija. Rappreżentanti tal-Amministrazzjoni Muniċipali għall-Kultura u t-Turiżmu ta’ Xi’an stess se jippreżentaw din id-donazzjoni lill-Kunsill lokali ta’ Santa Luċija.
Is-Sibt stess fit-tmienja ta’ filgħaxija se jittella’ kunċert Ċiniż fl-istess Ġnien, waqt li l-għada l-Ħadd mill-ħamsa ta’ filgħaxija se tiftaħ fiera tat-tè u festival tal-lanterni fis-sebgħa ta’ filgħaxija.
It-Tnejn 24 ta’ Lulju fis-sebgħa ta’ filgħaxija, fiċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta se tittellgħa taħdita kulturali dwar il-protezzjoni tal-wirt kulturali.
Dan iċ-ċentru fl-aħħar għoxrin sena serva biex isaħħaħ u jgħaqqad iż-żewġ popli flimkien. Din il-ħidma kkontribwiet ukoll għal aktar żvilupp profondi fir-relazzjoni bejn Malta u Ċina, li storikament inbdiet mill-Prim Ministru Malti Dom Mintoff meta fil-31 ta’ Jannar tal-1972 kien sar l-ewwel mexxej Ewropew li żar iċ-Ċina u stabbilixxa relazzjonijiet importanti ma’ dan il-ġgant fl-Ażja.
Qal, “In the past two decades, the Centre in Malta has been very proud to serve as the platform and to build bridges to promote the neutral standing and friendly relations between our two countries and two people.”