Fir-replika tiegħu dwar il-budget għas-sena d-dieħla, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech kompla jattakka dan il-budget imressaq il-ġimgħa l-oħra.
F’dan id-diskors ta’ madwar sagħtejn fil-Parlament, it-Tnejn filgħaxija, Bernard Grech qal li Gvern Laburista faqa’ pajjiż u li xtara l-elezzjoni, waqt li qal ukoll li pajjiżna qatt ma kien f’dan l-istat.
“Berbqu b’kollox fil-ħela. Dan kien dejn li seta’ ma sarx mill-Gvern biex jixtri l-elezzjoni. Faqgħu pajjiż. Jiddejjen biex jaħli l-flus. Qatt, Mr Speaker, ma konna f’dan l-istat.”
F’dan id-diskors, Bernard Grech tkellem dwar il-ħela, minkejja li tressaq budget b’diversi miżuri soċjali, bħaż-żieda fil-pensjonijiet, għajnuniet għall-persuni b’diżabilita, kumpens addizzjonali għall-għoli tal-ħajja lil nies vulnerabbli u għotja ta’ €10,000 lill-first-time buyers.
F’dan id-diskors Bernard Grech ma’ għamel xejn ħlief kritika l-miżuri tal-Budget, mingħajr ma qatt ippropona miżura waħda.
Waqt dan id-diskors huwa ppolitiċizza wkoll l-inizjattiva Childrens Dreams maħsuba biex taqta’ x-xewqa ta’ tfal vulnerabbli fi żmien il-Milied.
Bernard Grech kompla ma’ dak li qal fl-attivita politika fiż-Żurrieq, il-Ħadd, fejn iddeskriva l-budget bħala wieħed kożmetiku.
Quddiem il-miżura ta’ għajnuna ta’ €600 miljun sabiex il-kontijiet tal-enerġija jibqgħu stabbli, minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent, Bernard Grech qal li l-Gvern huwa wieħed insensittiv.
“Dan huwa sempliċiment budget kożmetiku. Il-Labour f’dawn it-tliet leġiżlaturi ħammeġ, kerrah u biegħ lil Malta. Dan il-Gvern insensittiv.”