Il-Prim Ministru Joseph Muscat u d-delegazzjoni tiegħu fl-Italja ilbieraħ kellhom esperjenza pjuttost unika f’ Firenze meta l-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi għamilha ta’ gwida u dawwarhom mal-Palazzo Vecchio, wieħed mill-isbaħ binjiet f’ Firenze u s-sede tal-Gvern lokali.
Renzi, li kien sindku ta’ Firenze, ħa pjaċir idawwar lil mistiedna tiegħu minn Malta u minn Franza mas-swali fejn wieħed jista’ jara xogħlijiet ta’ Michelangelo u Vasari.
Spjega x-xogħlijiet tal-arti ewlenin li hemm fil-binja. Kulħadd kien qed jieħu pjaċir, sakemm iż-żewġ Prim Ministri iddeċidew li jitilgħu sat-torri tal-palazz li biex tasal għalih trid titla’ għexieren ta’ turgien. Kienet qisha kompetizzjoni min se jaqta’ nifsu l-ewwel, iżda jidher li spiċċat draw bit-tnejn li huma fit biżżejjed biex jaslu mingħajr ħafna tbatija, iżda bil-ġurnalisti jonfħu warajhom. Iż-żjara fit-torri kellha żewg raġunijiet. L-ewwel waħda biex jaraw iċ-ċella fejn kien miżmum Savonarola qabel inqatel, u t-tieni biex jaraw il-veduta meraviljuża ta’ Firenze.
Ritratti: Jason Borg, DOI