“Reno, boxer tajjeb jaqla’ daqqa, jqum minn fuq il-kanvas u jegħleb lill-avversarju”
Din is-sentenza ta’ kuraġġ baqgħet ittimbrata f’moħħ Reno Calleja.
Sentenza li qallu l-eks Prim Ministru ta’ Malta l-Perit Duminku Mintoff.
Hekk tenna ma’ crew ta’ ONE News Calleja nnifsu, eks Ministru tat-Turiżmu bejn l-1981 u l-1983, waqt intervista li timmarka l-għaxar snin mill-mewt tal-mibki Duminku Mintoff.
Reno qalilna kif fiż-żmien li fih hu kien Ministru, ma kienx kollox ward u żahar però għamel diversi miżuri li bidlu l-ekonomija tal-pajjiż.
Qal, “Ija jien meta dħalt bħala Ministru tat-Turiżmu, is-sitwazzjoni f’Malta kienet kerha ħafna. Għamilt ħafna riformi pereżempju introduċejt il-classifications tal-hotels, dik jien għamiltha u għamilna l-Forward Bind Grade, li bis-saħħa tagħha it-turisti għalkemm naqsu baqgħu jiġu.”
Reno Calleja qasam magħna storja ta’ qsim il-qalb meta fl-1982, fl-aqwa tal-karriera tiegħu, huwa ma ntagħżilx biex ikun parti mill-kabinett. Huwa ma felaħx l-għajdut li beda jinxtered fuqu min-Nazzjonalisti, u qal lil Sina, il-mara tiegħu, li ried jemigra lejn l-Awstralja.
Qal, “F’Settembru fl-1982, ġie Carmel Mifsud Bonnici qalli isma Mintoff se jbiċċer il-kabinett u int mhux se tkun parti mill-kabinett. Mhux li spiċċajt minn Ministru imma li n-Nazzjonalisti bdew ixerdu li jiena sraqt. ”
Reno, bid-dmugħ f’għajnejh, qal li fl-aħħar Mintoff tah l-ikbar rigal li xtaq, jgħid li huwa nadif u innoċenti.
Qal, “Jien għamilt speech fejn edtlu nirringrazzjak li jien tifel ta’ ħaddiem minn familja ta’ erbatax għamiltni ministru, edtlu jiena lest li nibqa’ leali lejn il-partit u nservi lill-partit. U qam Mintoff u għamel speech fejn qal li jiena nadif. Dik kompliet xprunatni biex inkompli naħdem għall-partit u għall-pajjiż. U meta Mintoff sema’ li jiena muġugħ bagħat għalija u għal Sina biex nieklu u ġibidni fil-ġenb u qalli Reno, boxer tajjeb jaqla’ daqqa, jqum minn fuq il-kanvas u jinnokja l-avversarju.”
Għal Reno, Mintoff kien raġel b’qalb kbira u kuraġġuż li mhux biss ġab il-ħelsien f’pajjiżna imma ġab il-libertà tal-ħsieb.
Qal, “Ara Mintoff huwa bniedem ta’ viżjoni li jara l-bogħod u kuraġġuż u għalija jien il-kobor ta’ Mintoff, mhux li ġab il-ħelsien veru u għamel lil Malta minn strument ta’ gwerra ġabu strument ta’ paċi imma li ta’ l-libertà tal-ħsieb.
Reno Calleja għadda messaġġ b’saħħtu liż-żgħażagħ u lill-politikanti biex iħobbu lil Malta daqs kemm ħabbha l-perit Duminku Mintoff.
Qal, “U jiena nittama li ż-żgħażagħ tallum u l-mexxejja tallum jiġu spirati mill-imħabba li kellu Mintoff għall-pajjiżna u fuq kollox iżommu lil Malta ħielsa.”