Aktar ma jirriforma, il-Partit Laburista iżjed ikollu għatx għal iżjed riformi.
Mit-Tnejn sal-aħħar tal-ġimgħa, dan il-prinċipju se jkun kruċjali biex il-Partit Laburista jagħmel sejħa li twassal biex aktar nies jipparteċipaw fil-kampanja RENEW bil-għan li jibqa’ l-akbar forza politika f’pajjiżna, li tagħmel differenza pożittiva f’ħajjet in-nies.
Din il-kampanja, li tnediet ftit tal-ħin ilu waqt il-programm Pjazza, hi mmirata biex f’sebat ijiem il-Partit Laburista jilħaq l-isfida ta’ elf tesserat li jġedded jew jingħaqad għall-ewwel darba ma’ dan il-moviment.
ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista, Randolph de Battista, li enfasizza kif il-ħidma tal-Gvern tibda mill-Partit Laburista, ix-xrara li b’kuraġġ u bis-sehem ta’ kulħadd tista’ tibqa’ ġġib il-bidla f’dan il-pajjiż.
Qal, “Gvern Laburista qed ibiddel il-ħajja tan-nies b’diversi inizjattivi, però l-Gvern joħroġ minn ġol-Partit Laburista. Min hu l-Partit? Il-Partit huma n-nies li hemm fi ħdanu. Allura, matul din il-ġimgħa, qegħdin nistiednu lin-nies biex jissieħbu fil-Partit Laburista. Qed nagħmlu appell għal membri ġodda u dawk il-membri biex iġeddu s-sħubija tagħhom fil-Partit Laburista. Ingħaqdu magħna matul din il-ġimgħa.”
Il-qofol ta’ din il-kampanja jintlaħaq is-Sibt, 4 ta’ Frar, meta ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista se jkun miftuħ għall-pubbliku bejn id-9 ta’ filgħodu u s-siegħa ta’ waranofsinhar.
Dakinhar, in-nies jistgħu jsegwu mill-qrib il-ħidma kollettiva fi ħdan il-Partit, jiltaqgħu mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, iżuru esebizzjoni unika dwar l-istorja tal-Partit Laburista, kif ukoll jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom għal Malta tal-futur.
Kull min jixtieq jissieħeb mal-Partit Laburista, jista’ jagħmel dan billi jċempel fuq 51602034 jew jibgħat SMS fuq 50619275 jew inkella jissieħeb onlajn fuq www.partitlaburista.org