Fi żmien sena, minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ħatar kumitat interministerjali b’rabta mal-inkjesta pubblika Sofia, 22 fil-mija tal-miżuri ġew implimentati fis-sħiħ, waqt li 74 fil-mija jinsabu fi stadju avvanzat ħafna.
Sadanittant erbgħa fil-mija biss li jammontaw għal żewġ miżuri għadhom fi stat bikri.
Dan tħabbar waqt konferenza għall-ġurnalisti kkordinata mill-Kap tas-Segretarjat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Mark Mallia fejn ingħata rendikont ta’ x’ġie implimentat u x’qed isir mir-rakkomandazzjonijiet li ħarġu mill-Inkjesta Sofia.
Il-Ministri Jonathan Attard, Silvio Schembri, Clint Camilleri u Byron Camilleri jagħmlu parti minn dan il-kumitat ukoll.
Mark Mallia spjega li, matul din is-sena, saru 18-il sessjoni biex id-39 rakkomandazzjoni li kien hemm fl-inkjesta jiġu implimentati. Intqal li dawn saru bil-ħsieb li jkun hemm aktar sigurtà fuq il-post tax-xogħol u jogħla l-livell ta’ dak kollu li għandu x’jaqsam fis-settur tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Silvio Schembri spjega li, bħalissa, qed isir skrutinju sħiħ minn kumpanija barranija b’rabta mal-entitajiet governattivi tal-Malta Enterprise u l-Indis, u ħidma biex art industrijali tibda tingħata fuq il-valur miżjud li se tagħti lill-ekonomija Maltija, b’konformi wkoll mal-prinċipji tal-Viżjoni Malta 2050.
Fir-rigward tal-Awtorità tal-Ippjanar, il-Ministru Clint Camilleri aċċenna kif il-ġimgħa li għaddiet fetħet il-konsultazzjoni pubblika għal 15-il ġurnata fejn jidħlu applikazzjonijiet għall-Indis u l-Malta Enterprise.
Intqal li qed issir ordni ġdida biex tirregola applikazzjonijiet li jgħaddu għand l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-BCA, fejn kwalunkwe żvilupp ta’ bini fiż-żoni tal-Indis u l-Malta Enterprise li jmissu ma proprjetà ta’ terzi jridu jgħaddu minn proċess sħiħ ta’ applikazzjoni għall-iżvilupp.
Waqt din il-konferenza intqal kif numru kbir ta’ rakkomandazzjonijiet f’din l-inkjesta kien iffokat fuq is-settur tal-kostruzzjoni u, għalhekk, il-Ministru responsabbli Jonathan Attard fakkar kif, f’sena, saru regolamentazzjonijiet ġodda fejn tneħħiet id-distinzjoni b’rabta ma’ siti stand alones u l-obbligu ta’ assigurazzjoni.
Fakkar ukoll fit-tnedija tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni u l-liċenzjar tal-kuntratturi u l-benejja – qafas regolatorju, b’sigħat ta’ taħriġ u sistema ta’ detterent għal dawk li jiksru u jagħmlu reati marbuta ma’ din il-liċenzja.
F’din l-aħħar sena kien hawn erbat elef kuntrattur li applikaw għal-liċenzja u kwart minnhom ingħataw il-liċenzja.
Minbarra hekk, fl-2024, saru aktar minn għoxrin elf spezzjoni mill-BCA u l-OHSA, li fihom inħarġu 670 multa u 240 ordni biex jitwaqqfu x-xogħlijiet.
Il-Ministru Attard fakkar kif inħoloq il-helpline 138 fejn, f’seba’ xhur, kien hemm sbatax-il elf telefonata, b’mitt telefonata kuljum. Ġie spjegat li 70 fil-mija minnhom kienu talbiet għal informazzjoni u 30 fil-mija kienu rapporti diretti.
Servizz ieħor li ngħata kien dak ta’ servizz bla ħlas ta’ avukat u perit lil persuni li huma affetwati mill-kostruzzjoni. Saru mas-seba’ mitt talba għal dan is-servizz.
Ġie rrimarkat li, bħalissa, qed isir investiment ukoll fir-riżorsa umana bil-ħaddiem tal-BCA żdiedu għal 84 u qed isir reklutaġġ biex l-uffiċjali li jaħdmu mal-OHSA jiżdiedu għal tmenin.
Ftit tax-xhur ilu, il-Gvern nieda wkoll il-Malta Labour Migration Policy biex jassigura li l-migrazzjoni tax-xogħol tkun regolata b’mod trasparenti u sostenibbli.