Il-Pulizija qed tkompli bil-ħidma tagħha fil-prevenzjoni ta’ reati diġitali bit-tnedija ta’ vidjo ġdid dwar rikatt ta’ natura sesswali, bl-isem “Remove your trousers; get booed on browsers!”
Fi stqarrija qalet li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, kienu iktar minn 55 raġel u mara, medja ta’ tnejn jew tlieta fil-ġimgħa, li rrikorrew għall- għajnuna tas-Cyber Crime Unit tal-Pulizija wara li sfaw vittmi ta’ rikatt sesswali permezz tal-internet. Fil-maġġoranza huma rġiel li l-etajiet tagħhom jvarjaw bejn 18 u 50 sena.
Il-Pulizija qalet li ġeneralment f’każijiet bħal dawn, il-vittma tkun irrispondiet għal stedina li tkun irċeviet mingħand persuna li ma tafx min hi sabiex issir korrispondenza permezz ta’ webcam jew mezzi soċjali. Wara skambju ta’ mumenti, ritratti jew saħansitra sigrieti intimi mal-persuna l-oħra, il-vittma tibda tiġi rrikattata li jekk ma tħallasx somma flus, hafna drabi ghal aktar minn darba, l-informazzjoni intima tagħha ser tiġi ppublikata u mgħoddija lill-familja u ħbieb tagħha.
L-appell jibqa’ li wieħed m’għandux jafda messaġġi ġejjin mingħand persuni li ma jafx min huma. Għandna wkoll inkunu konxji li qatt m’għandna kontroll assolut fuq kif ser tintuża l-informazzjoni tagħna jew dwarna mill-mument li aħna inkunu qsamniha ma’ ħaddieħor, specjalment b’mod digitali.
Għaldaqstant il-Pulizija appellat biex qabel ma naqsmu informazzjoni jew mumenti privati ma’ xi ħadd, għandna nistaqsu lilna nfusna kemm nafdaw lill-persuna ma’ min qed nikkorrispondu u kemm hija privata l-informazzjoni li qed nafdawhom biha.
Fl-aħħar taw parir li jekk xi ħadd jkun vittma ta’ dan ir-reat, m’għandu qatt jgħaddi xi flus, numri ta’ credit cards jew dettalji personali, iżda jirrikorri immedjatament fl-eqreb Għassa tal-Pulizija sabiex isir rapport u jingħata gwida ta’ kif għandu jindirizza s-sitwazzjoni li jkun fiha.