Il-Pulizija rnexxielha ssib l-arma tan-nar użata mit-Taljan Damiano Alfio Rannisi Torrisi fl-attentat ta’ qtil fuq Malti f’Diċembru li għadda f’Burmarrad.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kkonfermaw ma’ ONE News li l-arma nstabet fil-bitħa tal-ġirien tat-Taljan, fi Triq il-Kaħli l-Mellieħa.
It-Taljan jinsab mixli li spara u darab gravi lil raġel Malti ta’ tliet u erbgħin sena minn Raħal Ġdid qrib ħanut tal-ikel f’żona industrijali f’Burmarrad. Hu mifhum li t-Taljan spara fid-direzzjoni tal-Malti wara li mar biex iferraq ġlieda bejn grupp ta’ erba’ barranin.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet qalu li t-Taljan rema l-arma tan-nar ftit qabel ma pprova jaħrab minn Mata wara kważi xahar jaħrab lill-Pulizija.
One news jinsab informat ukoll li kienu l-ġirien tat-Taljan li sabu l-arma fil-bitħa li tmiss eżatt mal-garaxx li kien qed jgħix fih it-Taljan. Fil-fatt kienu huma li rrikkorrew għand il-pulizija bl-arma tan-nar wara baqgħu mgħaġġbin meta sabu l-arma tan-nar mormija fil-proprjetà tagħhom.