Malta tħares ’il quddiem li jkun hemm relazzjonijiet ġodda mal-Ażerbajġan -minkejja l-kritika li ssir lill-Gvern Malti f’dan ir-rigward.
Qal dan il-Prim Ministru Joseph Muscat it-Tnejn filgħaxija f’laqgħa mal-Ministru għall-affarijiet barranin tal-Azerbaijan Elmar Mammadyarov.
Ministru li jinsab pajjiżna ma’ delegazzjoni mill-Gvern tal-Azerbaijan bil-għan li jkunu esplorati aktar relazzjonijiet strateġiċi bejn iz-żewġ pajjiżi.
Il-Prim Ministru Malti wera t-tama li l-Unjoni Ewropeja u l-Azerbajgan jilħqu ftehim biex dan il-pajjiż isir sieheb strateġiku mal-istess Unjoni Ewropea.
Minn naħa tiegħu Elmar Mammadyarov qal li l-mira ta’ pajjizu hija li din is-sena jsiru zviluppi importanti bejn pajjiżu u l-Unjoni Ewropeja bit-tama li jintlaħaq qbil.
Intant il-ħidma għal relazzjoni iktar b’saħħitha bejn Malta u l Ażerbajġan, speċjalment biex tissaħħaħ is-sigurtà bejn l-Unjoni Ewropeja u l-pajjizi tal-Lvant filwaqt li jkunu hemm aktar ftehim dwar il-provvista tal-enerġija, kienet il-kunċett li dwaru qablu l-Ministru għall-affarijiet barranin George Vella u l-istess Ministru Ażerbajġani.
Intant is-sena l-oħra ġew iffirmati tliet ftehimiet bejn iż-żewġ pajjiżi : dwar kif tkun evitata t-tassazzjoni doppja, dwar aktar koperazzjoni fejn jidħlu ż-żgħażagħ u l-isport u dwar konsultazzjoni fuq livell politiku bejn iż-żewġ Ministeri.
L-investiment tal-Gvern Malti mal-Azerbaijan jingħaqad ma’ oħrajn li fl-aħħar erba’ snin ġew pajjiżna minn kull rokna tad-dinja. Fosthom miċ-Ċina, Sinagapore, l-Indja, il-Ġordan, l-Istati Uniti u r-Renju Unit.