Waqt li kien qed jindirizza l-Forum Kummerċjali bejn Malta u r-Russja, il-Prim Ministru qal li l-Gvern Malti jrid jieħu r-relazzjonijiet bejn Malta u r-Russja f’livell ieħor. Il-fatt li qed isir dan il-forum juri li ż-żewġ naħat iridu jsaħħu r-relazzjonijiet kummerċjali bejniethom.
Il-Prim Ministru qal li din hija l-ewwel laqgħa bejn prim ministru Malti u prim ministru Russu f’dawn l-aħħar 24 sena, u li dan huwa minnu nniffsu fatt diżappuntanti meta ż-żewġ pajjiżi għandhom daqstant x’joffru lil xulxin.
Matul il-Forum Kummerċjali, il-Prim Ministru qal li l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata ħafna iktar qawwija minn tal-UE.
Semma bosta oqsma fejn Malta qed tiġbed investiment lejha, fosthom fil-qasam tat-tiswija tal-ajruplani, l-edukazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni, u s-settur tas-saħħa u tal-manifattura. Dr Muscat semma wkoll il-vantaġġ ta’ Malta li tinsab fiż-żona ewro u għandha aċċess għas-suq waħdieni.
Huwa rrefera wkoll għall-investiment li qed isir fis-settur tal-loġistika u qal li dan joffri potenzjal għall-investituri Russi.
Il-Prim Ministru semma wkoll li fl-aħħar snin il-Gvern irriforma s-setturi tas-saħħa u tal-edukazzjoni u llum qed jiġbed lejh nies li jridu jieħdu servizzi mediċi u edukattivi f’Malta. Żied jgħid li fl-aħħar snin l-ekonomija Maltija qed tespandi f’oqsma ġodda fosthom permezz tal-Progamm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.
Il-Forum Kummerċjali kien indirizzat ukoll mill-President tal-Kamra tal-Kummerċ Maltija Anton Borg, li tkellem dwar bosta setturi ekonomiċi, fosthom is-settur finanzjarju tal-iGaming, u qal li dan is-settur esperjenza tkabbir sinifikanti fl-aħħar snin.
Id-delegazzjoni Maltija li pparteċipat għall-Forum kienet magħmula minn numru ta’ negozjanti Maltin li kellhom l-opportunità jiltaqgħu ma’ negozji Russi matul il-jum.
Il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u Twettiq tal-Manifest Elettorali Louis Grech flimkien mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin qed jakkumpanjaw lill-Prim Ministru għal din iż-żjara uffiċjali.
Aqra aktar: 300 student Russu għal Malta