Ir-relazzjonijiet diplomatiċi bejn Malta u l-Estonja imorru lura tletin sena, u huma b’saħħithom ħafna.
Dan ħareġ ċar fi żjara statali tal-President Malti, George Vella, li għamel riċentament fl-Estonja.
Dwar dan tkellimna mal-Ambaxxatur Malti għall-Estonja, Kenneth Vella.
Qal, “Dan kien ikkonfermat waqt iż-żjara li għamel il-President tagħna, George Vella matul din il-ġimgħa, akkumpanjat mill-Ministru Owen Bonnici fejn ir-relazzjonijiet tajba miż-żewġ pajjiżi ġew riflessi fil-laqgħat illi kellna mal-President tal-Estonja, mal-Prim Ministru, mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin u anki wkoll mal-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.”
Fl-intervista ma’ din il-kamra tal-aħbarijiet, l-Ambaxxatur tal-Estonja għal Malta qal li fl-aħħar snin ir-relazzjonijiet komplew jissaħħu permezz ta’ diversi inizjattivi.
Qal, “Attivitajiet li ġew organizzati u f’diversi setturi, fosthom l-edukazzjoni, il-kultura, l-isport. Kien hemm ukoll it-teknoloġija diġitali, kif ukoll fuq kollox it-turiżmu. It-turiżmu illi nista’ ngħid li fl-aħħar xhur, grazzi wkoll għat-titjiriet diretti li introduċiet Malta kellna wkoll iż-żieda ta’ numru sostanzjali ta’ Estonjani li żaru wkoll lil pajjiżna.”
Biex jitfakkar it-tletin anniversarju mir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjiżi, saret wirja fotografika.