BirdLife Malta qed tiċċelebra numru ta’ rekords ġodda ta’ għasafar li qed ibejtu fir-riservi tagħha, fosthom ir-rekord ġdid ta’ Fras-servjenti (Black-winged Stilts) li din is-sena bejtu fir-Riserva Naturali tal-Għadira minn meta ġiet osservata l-ewwel preżenza ta’ dan l-għasfur fl-2008.
Din hija speċi meqjusa bħala flagship għal Malta li tbejjet esklussivament fir-riservi naturali mmexxija minn BirdLife Malta.
Din is-sena, fl-Għadira ġew osservati jbejtu b’suċċess tliet pari ta’ Fras-servjenti, b’kull par ikollu erbat ifrieħ, u bil-bajd tal-aħħar wieħed ifaqqas fl-aħħar ġimgħat. Apparti li dan is-suċċess huwa rekord fih innifsu għax qatt qabel ma kienu rreġistrati tliet pari ta’ Fras-servjenti jbejtu f’daqqa fl-Għadira, suċċess ieħor hu l-fatt li tnejn mill-Fras-servjenti li bejtu din is-sena huma frieħ li qed jirritornaw fl-Għadira wara li twieldu f’din ir-riserva fl-2013. Dan juri s-suċċess u l-importanza tar-ringing u l-monitoraġġ ta’ dawn l-għasafar.
Fil-fatt, l-informazzjoni dwar dawn il-Fras-servjenti li issa rritornaw fl-Għadira biex ikabbru l-frieħ tagħhom hi magħrufa grazzi għall-iskema tal-bird ringing. Dawn l-għasafar kien twaħħlilhom ċurkett fl-2013. Wieħed minnhom, raġel, kien diġà reġa’ żar ir-riserva sena wara, fl-2014. Waqt li l-għasfur l-ieħor huwa mara li kienet osservata għall-ewwel darba din is-sena. Ta’ min isemmi li l-Fras-servjent bejjet ukoll b’suċċess fir-Riserva Naturali tas-Simar ftit tas-snin ilu.
Speċi oħra li qed tikser ir-rekords fl-Għadira huwa l-Isturnell (Common Starling), b’mill-inqas ħames adulti ġew osservati jieklu u jistrieħu fir-riserva. Il-konferma li anke din l-ispeċi qed tbejjet fil-viċinanzi toħroġ mill-fatt li ftit tal-jiem ilu
jakkumpanja lil dawn l-adulti kien osservat ukoll ferħ. Dan jindika li l-Isturnell bejjet għall-ewwel darba fil-viċinanzi tar-riserva.
Apparti l-Fras-servjent u l-Isturnell, fl-istess riserva kienu osservati wkoll bejn tliet u erba’ pari ta’ Monakelli (Little Ringed Plovers) li kellhom sa erbat ifrieħ kull wieħed u bħalissa reġgħu qegħdin isaħħnu l-bajd. Dawn l-għasafar żgħar li jintgħarfu faċilment mill-fattizzi distintivi tagħhom huma speċi komuni tal-passa, u jbejtu fix-xhur bejn Marzu u Awwissu.
Fir-Riserva Naturali tal-Għadira ġew osservati wkoll diversi speċi oħrajn bħall-Merill (Blue Rock Trush) u l-Ġaħġaħ (Tree Sparrow) li għalkemm ibejtu barra, jiġu jfittxu l-ikel fir-riserva.
Fl-aħħar nett, fir-Riserva Naturali tas-Simar – li wkoll hi mmexxija minn BirdLife Malta – din is-sena ġew osservati anke erba’ pari tal-Bufula tal-Qasab (Reed Warbler) li wkoll qed tbejjet f’din ir-riserva.
Fl-istess riserva, aktar kmieni din is-sena bejtet it-Tiġieġa tal-Baħar (Common Coot) u bejtu wkoll għadd ta’ speċi oħra bħall-Gallozz Iswed (Moorhen), il-Bufula tal-Imrewħa (Zitting Cisticola), il-Bufula tal-Għollieq (Cetti’s Warbler) u l-Bufula Sewda (Sardinian Warbler).