Proprju kif bosta siti tat-temp kienu qed ibassru, bosta partijiet f’Malta l-Ħamis kmieni waranofshinar esperjenzaw l-ewwel xita wara xhur ta’ sħana u nixfa. Xita magħrufa aħjar bħala tal-għerejjex ta’ Santa Marija.
L-aktar li ntlaqtu minn dan kienu nħawi min-Nofsinhar sal-Majistral tal-pajjiż.
Hekk kif minn xemx tiżreġ beda tiela’ sħab iswed u qabdet traxxax l-ewwel ftit xita, crew ta’ ONE NEWS żar l-Uffiċċju Metereoloġiku fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn l-uffiċjal Graziella Cini spjegat li l-aktar lokalitajiet li ntlaqtu kienu Ħad-Dingli, is-Siġġiewi u Ħal Luqa.
Cini żvelat magħna kif f’ġurnata waħda biss u fi ftit sigħat biss, din ix-xita li għamlet qabżet in-norma għax-xahar ta’ Awwissu u saħansitra erba’ darbiet iżjed milli għamlet tul Awwissu kollu fl-2023.
Qalet, “Dan ix-xahar s’issa konna xahar xott ħafna, imma llum f’ħalba waħda għamlitilna 11.4 mm. Dan hu ħarira aktar imqabbel man-norma ta’ 9.7 mm għax-xahar ta’ Awwissu u huwa pjuttost iktar milli kellna s-sena l-oħra li kien ta’ 3.8 mm għax-xahar ta’ Awwissu. Jekk nikkumparaw ix-xahar ta’ din is-sena max-xahar ta’ Awwissu li għadda tas-sena l-oħra kellna naqra aktar.”
F’dawn il-jiem kull sena, proprju wara Santa Marija, kulħadd ikun qed jistenna dawk il-ftit taqtiriet kważi tradizzjonali.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, Cini spjegat li dan iż-żmien il-baħar u l-atmosfera jilħqu t-temperaturi massimi tagħhom u b’kawża ta’ hekk jirriżultaw fi sħab.
Stqarret, “Dan iż-żmien ta’ Awwissu nkunu lħaqna ċerti temperaturi tal-baħar għoljin li jgħinu wkoll l-ammont ta’ convection li tibda tiela’, jiġifieri jkun hemm iċ-ċirkolazzjoni fl-arja, kemm ilma qed jevapora u kemm minn dak l-ilma jiġi condenced biex jifforma s-sħab. Peress li nkunu wasalna f’temperaturi għoljin kemm tal-baħar u kemm ukoll tal-atmosfera, jibda jifforma dan is-sħab u dejjem jibqa’ jikber biex ikollna l-ħalbiet tax-xita.”