Bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, saru total ta’ 10,526 vjaġġ bil-vapuri tal-Gozo Channel u dawk tal-fast ferry. Dawn il-vjaġġi bejniethom ġarrew aktar minn miljun u nofs passiġġier.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li juru wkoll kif Marzu kien l-aktar xahar impenjattiv meta fih saru aktar minn tlett elef u tmin mija u ħamsin vjaġġ jew 36.6 fil-mija tal-vjaġġi kollha fʼdan il-perjodu.
Meta nħarsu lejn it-trasport bil-baħar, bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa, jiġifieri bil-vapuri MV Gaudos, MV Nikolaos, l-MV Ta’ Pinu u l-MV Malita, in-numru ta’ passiġġieri li ġarrew flimkien qabeż il-miljun u t-tliet mitt elf, li jfisser żieda ta’ 1.5 fil-mija fuq l-istess tliet xhur tal-2024.
L-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Marzu, li qabeż in-nofs miljun.
Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi żdied ukoll bʼ1.7 fil-mija għal ftit inqas minn nofs miljun.
Mill-istatistika tal-vjaġġi, joħroġ li, fl-ewwel kwart tas-sena, dawn laħqu t-8,213, żieda taʼ 4.4 fil-mija fuq l-istess żmien fl-2024. FʼMarzu wkoll kien irreġistrat l-ogħla numru ta’ vjaġġi.
Dwar it-trasport bil-fast ferry bejn l-Imġarr u l-Belt Valletta fl-ewwel kwart tal-2025, jirriżulta li saru total ta’ 2,313-il vjaġġ, li ġarrew total ta’ aktar minn mitejn elf passiġġier.
Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2024, l-għadd ta’ vjaġġi żdied bi 33.3 fil-mija, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied bʼ37.5 fil-mija.
Ix-xahar taʼ Jannar irreġistra l-ogħla numru ta’ vjaġġi, filwaqt li Marzu rreġistra l-ogħla numru ta’ passiġġieri.
Dan kollu anke jkompli jikkonferma r-riżultati rekords li pajjiżna qed jikseb fil-qasam turistiku, mhux biss fis-sajf, imma matul is-sena kollha. F’dan il-perjodu Għawdex ra wkoll iċ-ċelebrazzjonijiet kbar tal-Karnival, fost l-oħrajn.