Għal din is-sena, l-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS) rreġistra l-għola rata ta’ studenti li ggradwaw minn mindu twaqqfet din l-istess istituzzjoni edukattiva 35 sena ilu.
Fil-fatt, l-ITS qiegħda tiċċelebra numru rekord ta’ 325 gradwat.
25 persuna iggradwaw f’Masters fl-International Hospitality Management, li hija offruta b’affiljazzjoni akkademika mal-Emirates Academy of Hospitality Management.
Ħafna minn dawn il-gradwati gawdew minn boroż ta’ studji mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Dawn kienu offruti matul il-bidu tal-pandemija, sabiex l-industrija tkompli tiġi mħarrġa matul ix-xhur ta’ restrizzjonijiet kontinwi.
Dawn id-dettalji tħabbru fiċ-ċerimonja uffiċjali ta’ gradwazzjoni indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo u l-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech.
Il-Ministru Clayton Bartolo saħaq kif dan in-numru ta’ gradwati jsaħħaħ l-impenn tal-gvern li jkompli jassisti l-Istitut għall-Istudji Turistiċi bl-aħjar għodod neċessarji.
“Is-suċċess preżenti huwa ta’ inkoraġġiment kbir meta nqisu li fi ftit tas-snin oħra, permezz tal-bini ta’ kampus ġdid tal-ITS fi Smart City, se nkunu nistgħu nilqgħu ’l fuq minn 2,500 student, id-doppju tan-numru li għandna bħalissa,” qal il-Ministru.
Il-Kap Eżekuttiv Pierre Fenech irrimarka li qiegħda ssir ħidma importanti biex l-ITS tinbidel f’ċentru ta’ eċċellenza u innovazzjoni fit-turiżmu u l-ospitalità, permezz ta’ tagħlim u taħriġ ta’ persunell prospettiv tal-industrija, kif ukoll dawk li diġà jaħdmu fi ħdan l-industrija.