Ir-rapport annwali ta’ Heritage Malta wera li l-elfejn u sittax kienet sena rekord fejn jidħlu persuni li żaru xi wieħed mill-mużewijiet jew siti tal-istess Heritage Malta. Madwar miljun u tliet mitt persuna.
It-tempji tal-Ġgantija kienu l-aktar popolari – bi kważi mitejn elf persuna żżurhom.
Segwew it-tempji ta’ Ħaġar Qim, il-kmamar tal-istat u l-Armerija tal-Palazz, u t-tempji tal-Imnajdra.
Forti Sant’Anġlu inawgurat f’Novembru tas-sena l-oħra, ukoll kien fost l-aktar siti li ġibdu viżitaturi lejh, fejn f’xahrejn biss rifsu l-għatba tiegħu ħmistax –il elf persuna.
Bil-għan li tkun xprunata l-għożża għall-istorja fost iċ-ċkejknin, is-sena l-oħra kienu organizzati numru t’inizjattivi li wasslu biex mal-ħamsin elf tifel u tifla żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra.
Numru li meta jingħaqad ma’ dak ta’ Maltin u turisti li żaruh, dan ukoll jagħmilha mal-aktar siti popolari ta’ Heritage Malta fl-elfejn u sittax.
Meta mqabbla mal-elfejn u ħmistax, in-numru ta’ nies li żaru l-mużewijiet ta’ Heritage Malta s-sena li għaddiet żdied b’aktar minn mitt elf.
Fl-elfejn u sittax kienu organizzati aktar minn mitejn u erbgħin attività fid-diversi siti u mużewijiet ta’ Heritage Malta; b’ħafna minnhom fakkru l-erba’ mija u ħamsin anniversarju tal-Belt Valletta.