Is-settur marittimu ta’ Malta kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tiegħu fuq livell internazzjonali. Fl-2024, ir-Reġistru tal-Bastimenti kiber bi kważi 10% u fi tmiem l-ewwel kwart tal-2025, Malta laħqet iktar minn 10,000 bastiment irreġistrat. Il-pożizzjoni ta’ pajjiżna ġiet ikkonfermata bħala l-akbar reġistru marittimu fl-Ewropa u s-sitt l-akbar fid-dinja. Dan filwaqt li fejn jidħlu superyachts, Malta għandha l-akbar reġistru mad-dinja kollha.
Malta ser tkun qed tagħmel pass ieħor ’il quddiem biex ittejjeb u tiffaċilita r-reġistrazzjoni permezz ta’ sistema diġitali tant li fl-1 ta’ Ġunju 2025, Transport Malta se tkun qed toffri ċertifikati elettroniċi (e-certificates) lis-sidien ta’ bastimenti u jottijiet reġistrati taħt il-bandiera Maltija. Dan tħabbar dalgħodu mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Chris Bonett fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia u r-Reġistratur Ġenerali ta’ Bastimenti u Baħrin, Ivan Tabone.
Il-Ministru Bonett iddikjara li, “Dan il-pass jagħmilna aktar kompetittivi f’industrija marittima li qed dejjem qed titlobna aktar effiċjenza, trasparenza u aċċessibilità. Bħala pajjiż marittimu, għandna l-obbligu li nagħrfu li s-sistemi ta’ dari mhux dejjem jaqdu d-dinja tal-lum. Il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni ser iwassal biex inżidu l-effiċjenza bla ma nissagrifikaw is-sigurtà tal-informazzjoni sensittiva, għaliex dawn iċ-ċertifikati se jkunu verifikabbli permezz ta’ QR codes u teknoloġiji oħra ta’ sigurtà.”
