39,146 persuna żaret is-sejf ta’ La Vallette sal-4 ta’ Settembru 2017. Is-Sejf ta’ De Vallette se jibqa miftuħ għall-pubbliku sat-8 ta’ Settembru, bl-aħħar jum ikun mingħajr ħlas.
Heritage Malta se testendi l-esebizzjoni tas-Sejf ta’ De Vallette sal-Ġimgħa 8 ta’ Settembru qabel ma’ jmur lura fil-Mużew tal-Louvre fi Franza. Matul din il-ġurnata s-sejf se jkun miftuħ għall-pubbliku ġenerali.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici spjega kif wara li ra l-ħeġġa li biha l-pubbliku laqa’ l-wirja tas-sejf ta’ De Vallette, flimkien ma’ Heritage Malta ħassew il-bżonn li joffru lill-pubbliku l-opportunitá li jgawdi s-Sejf.
Filfatt, bejn it-18 ta’ Marzu 2017, meta fetħet l-eżebizzjoni, sal-4 ta’ Settembru kienu 39,146 ruħ li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-post fejn hemm esebit is-Sejf ta’ De Vallette. Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 39.16% fiż-żjarat fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2016.
Il-Ministru Bonnici tkellem ukoll dwar l-importanza li nedukaw u nnislu fil-ġenerazzjonijiet futuri tagħna mħabba lejn l-istorja u l-wirt storiku ta’ pajjiżna għax huwa b’hekk li nassiguraw li l-istorja ta’ pajjiżna tibqa’ ħajja. Min-naħa tiegħu iċ-Ċermen Eżekuttiv ta’ Heritage Malta Kenneth Gambin, enfasizza fuq il-missjoni ta’ Heritage Malta li tagħmel aktar siti aċċessibli għall-pubbliku permezz ta’ diversi attivitajiet varji, inkluż open days, mifruxin matul is-sena bħala parti minn responsabbiltá soċjali li qed tħaddan l-entità.
B’mod speċjali, Gambin irrefera għal diversi attviitajiet marbutin mal-esebizzjoni tas-Sejf ta’ De Vallette, bħal pereżempju lecture fil-Mużew tal-Arkeoloġija bit-tema ‘Jean de Vallette: Ix-Xabla u s-Sejf’ mill-Kap Kuratur tad-Dipartiment ta’ Oġġetti tal-Arti tal-Mużew Louvre Mr Phillipe Malgouyres fis- 7 ta’ Settembru. Din mhux se tkun l-unika open day organizzata minn Heritage Malta fit-8 ta’ Settembru. Filfatt fl-istess ġurnata, il-pubbliku se jgawdi minn roħs fid-dħul fil-Forti Sant’ Anġlu.
Dan kollu huwa mibni fuq waħda mill-prijoritajiet ta’ dan il-Gvern għas-settur Kulturali, jiġifieri li jkollna l-kultura u l-wirt kulturali aktar aċċessibli għal kulħadd. Fit-8 ta’ Settembru, l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija se jkun miftuħ bejn id-9am u s-6pm filwaqt li Forti Sant’ Anġlu se jkun miftuħ bejn id-9am u s-6.30pm.