Din il-ġimgħa, f’ġurnata waħda biss, inġabru miljun kontenitur tax-xorb fil-magni tal-BCRS madwar Malta u Għawdex.
Dan ifisser li ntlaħaq rekord ta’ kemm inġabru fliexekn f’ġurnata, mindu l-iskema nazzjonali tar-rifużjoni tal-fliexken tax-xorb bdiet titħaddem f’Novembru tal-2022.
Meta wieħed jagħmel il-kalkoli, dan il-miljun depożitu fisser rifużjoni ta’ mitt elf ewro.
Ħabbret dan il-kumpanija BCRS, fuq Facebook, fejn irringrazzjat lill-konsumaturi, lill-ħwienet tal-Bejgħ bl-Imnut, stabbilimenti tal-Catering u Għaqdiet Mhux Governattivi li qed jipparteċipaw b’mod attiv fl-Iskema ta’ Rifużjoni tad-Depożitu u li qegħdin jgħinu biex Malta tibqa’ aktar nadifa.
Ta’ min ifakkar kif f’sena waħda biss, il-BCRS ġabret 204 miljun kontenitur tax-xorb, jew 79% tal-kontenituri tax-xorb li jintużaw darba biss fiċ-ċirkolazzjoni. Il-kontenituri miġburin kienu ntbagħatu lill-operatur approvat biex jiġu riċiklati b’mod effettiv u b’hekk inkisbet rata ta’ riċiklaġġ ta’ 72%.
Sadanittant, il-kumpanija qalet li tinsab grata għat-tim ta’ ħaddiema tal-BCRS li, grazzi għall-isforzi bla waqfien tagħhom fl-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ titjib kontinwu, din il-mira ta’ miljun kontenitur tax-xorb setgħet tintlaħaq.
Saħqet li flimkien, għamlu impatt sinifikanti, u jħarsu ‘l quddiem li jaħdmu id f’id man-nies biex ikomplu jtejbu u jwasslu l-aħjar riżultati possibbli. Dan dejjem għal futur aktar nadif u sostenibbli għal Malta.