Fl-aħħar sentejn numru rekord ta’ immigranti li waslu b’mod irregolari u ma jikkwalifikawx għall-ażil ġew deportati mill-pajjiż. Dan sostnih l-Awditur Ġenerali f’aġġornament dwar l-aħħar rapport dwar s-settur.
L-Awditur spjega kif dan kien possibbli permezz ta’ ħidma diretta ma’ pajjiżi terzi li ġew meqjusa bħala priorità. Fl-istess waqt żdiedet il-kollaborazzjoni bejn il-Pulizija tal-Immigrazzjoni u t-Taqsima tar-Ritorn fi ħdan il-Ministeru tal-Intern.
Dan l-aġġornament rrimarka wkoll il-ħidma li saret mill-Ministeru tal-Intern b’rabta mas-solidarjetà bejn membri stati. Ħidma li wasslet għar-rilokazzjoni ta’ 1,143 immigrant irregolari lejn pajjiżi oħra Ewropej.
L-Awditur Ġenerali nnota wkoll kif l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali rreġistrat tnaqqis fl-applikazzjonijiet pendenti għall-protezzjoni. Fi tliet snin, l-applikazzjonijiet pendenti naqsu minn 3,500 għal anqas minn elf.
Dwar l-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni, l-Awditur nnota li f’dawn l-aħħar snin sar titjib fil-kundizzjonijiet tal-għejxien fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.
L-Awditur spjega li kif grazzi għall-investiment li sar fis-servizzi mediċi interni, tnaqqsu bi kważi 90% l-ammont ta’ persuni li kellhom bżonn jittieħdu l-isptar għall-kura.
Dwar l-Aġenzija għal Ħarsien ta’ Persuni li jkunu qed ifittxu l-Ażil jew aħjar l-AWAS, l-Awditur laqa’ l-ħidma li saret marbuta mas-servizzi psikosoċjali u mal-integrazzjoni. L-awditur laqa’ wkoll it-tisħiħ li sar fir-riżorsi umani fl-istess aġenzija.
Ir-rapport tal-Awditur Ġenerali huwa ċertifikat pożittiv għall-Ministeru tal-Intern, is-sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza li qed jipprattika politika ġusta tal-immigrazzjoni bil-fatti.
Dan qed isir hekk kif l-Awditur innifsu kkonferma kif Malta qed tibgħat messaġġ ċar illi dawk li m’għandomx ikunu fil-pajjiż, qed ikunu ritornati fil-pajjiż tal-oriġinu. Dan jikkumplimenta wkoll tnaqqas drastiku fil-wasliet irregolari f’pajjiżna hekk kif fl-aħħar snin il-wasliet naqsu, anke wara ftehim li ġie ffirmat bejn il-Gvern Malti u dak Libjan.