Matul l-2024, dsatax-il proprjetà u artijiet għaddew mingħand l-Awtorità tal-Artijiet għal għand l-entità SportMalta biex, min-naħa tagħha, tkun tista’ tamministrahom u tgħaddihom lil għaqdiet sportivi biex jiżviluppaw faċilitajiet u jtejbu s-servizzi li joffru lill-isportivi Maltin u Għawdxin.
Dan ħareġ minn tweġiba Parlamentari li l-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, ta lid-Deputat Laburista Carmelo Abela.
Mid-dettalji li ngħataw, jirriżulta li s-sena li għaddiet kienet l-aktar waħda li fiha għaddew proprjetajiet jew artijiet lil SportMalta fl-aħħar ħames snin.
Dawn il-proprjetajiet u l-artijiet huma mifruxin ma’ Malta u Għawdex, fosthom f’Ħal Far, fejn hemm diversi artijiet li ġew mgħoddija biex bdiet titwettaq il-wegħda tat-trakka l-ġdida tal-Motorsport fl-aħħar xhur.
B’kollox, fl-aħħar ħames snin, SportMalta ngħatat xejn inqas minn 51 proprjetà jew art mill-Awtorità tal-Artijiet biex, imbagħad, għaddiethom lil bosta għaqdiet.
Sadanittant ħareġ ukoll li l-2024 kienet sena rekord għall-kuntratti ta’ fidi ta’ ċnus, li saru mill-Awtorità tal-Artijiet dwar proprjetajiet tal-Gvern.
Fil-fatt l-Awtorità tal-Artijiet ikkonkludiet 214-il kuntratt ta’ fidi ta’ ċnus temporanji u 288 kuntratt ta’ fidi ta’ ċnus perpetwi.
Dan ifisser total ta’ 502 kuntratti, waqt li, fis-sentejn ta’ qabel, dawn laħħqu l-490 kuntratt fl-2022 u 349 fl-2023.
KUNTRATTI TA’ FIDI TA’ ĊNUS | |||
Sena | Temporanji | Perpetwi | Total |
2022 | 209 | 281 | 490 |
2023 | 145 | 204 | 349 |
2024 | 214 | 288 | 502 |
Totali | 568 | 773 | 1,341 |
Dan fl-istess waqt li l-Awtorità tal-Artijiet, fl-aħħar sena, tat spinta qawwija lid-diġitilizzazzjoni tas-sistemi tagħha u għaddej proċess ta’ skennjar tal-fajls kollha tagħha.