Matul il-jiem tal-Karnival, li għadu kif intemm, kien hemm aktar minn tmenin elf u disa’ mitt persuna li qasmu bejn Malta u Għawdex.
Fil-fatt, skont ċifri, li kiseb ONE News, l-ammont ta’ persuni li qasmu lejn Għawdex jiżboq sew in-numru ta’ nies li għamlu dan sena ilu, b’żieda ta’ aktar minn għoxrin elf persuna.
Dan hu wkoll l-akbar ammont irreġistrat għal dan il-perjodu mill-inqas fl-aħħar ħames snin.
Dan wassal ukoll għal żieda fl-ammont ta’ vjaġġi li saru bejn iċ-Ċirkewwa u l-Imġarr u viċi versa b’total ta’ 510. Dan meta fl-2023 kienu saru 355 vjaġġ b’kollox.
Sadanittant jirriżulta li l-Ġimgħa u l-Ħadd kienu l-aktar jiem beżlin għall-Gozo Channel.
Nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Frar qasmu aktar minn tmintax-il elf (18,004) persuna, filwaqt li l-Ħadd 11 ta’ Frar l-għadd ta’ nies li vvjaġġaw qabeż it-tmintax-il elf u disa’ mija (18,933).
Dwar it-tmiem il-ġimgħa impenjat fil-gżira Għawdxija, ONE News ħa reazzjoni tal-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA.
Joe Muscat qalilna li d-domanda għall-akkomodazzjoni fil-jiem tal-Karnival dehret li kienet se tkun waħda qawwija sa minn ġimgħat qabel din il-festa ta’ kuluri u ċelebrazzjonijiet.
Huwa tenna li bħala assoċjazzjoni qed iħarsu ’l quddiem għal edizzjonijiet oħrajn ta’ suċċess tal-Karnival.
Qal, “Ovvjament kien weekend kif kien mistenni, kien tajjeb ħafna, fejn rajna influss qawwi ta’ Maltin u anke viżitaturi barranin li żaru lill-gżira, min għal ġurnata, min għal lejl u oħrajn li qattgħu fostna l-weekend tal-Karnival. Dan l-influss affettwa s-settur turistiku, affettwa kemm is-settur tal-akkomodazzjoni u kif ukoll is-settur tal-catering. Ovvjament inħossu li l-Karnival ta’ Għawdex laħaq l-aspettattivi tiegħu u nħarsu ’l quddiem biex l-attività tkompli tiġi sostnuta u nkomplu u nżommu dawn in-numri li diġà lħaqna.”