Din is-sena, rekord ta’ ftit aktar minn 157,000 ruħ ħadu t-tilqima għal kontra l-influwenza.
Din l-informazzjoni ħarġet mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Nifhmu li l-pandemija qanqlet iżjed lin-nies biex imorru biex jieħdu l-vaċċin għall-influwenza.
Fi tweġiba parlamentari, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kkorreġa lid-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg dwar it-tilqim tal-influwenza.
Chris Fearne spjega li sabiex jilqa’ għall-imxija tal-influwenza, din is-sena l-Gvern xtara u importa lejn Malta 225,000 tilqima tal-influwenza.
Qal li 25,000 minnhom kienu f’forma ta’ spray fl-imnieħer li jintużaw għat-tfal.
Dan fid-dawl li t-tfal huma l-aktar li jiddarsu mil-labra u f’kummenti fuq ONE Radio, id-Deputat Prim Ministru saħaq kif dan it-tip ta’ vaċċin se jingħata fi żmien meta l-iskejjel se jagħlqu għall-vaganzi tal-Milied.
Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne stqarr: “Jiġifieri minn nhar it-Tnejn illi ġej fiċ-ċentri tas-saħħa kollha fil-ħinijiet ta’ matul il-ġurnata l-ġenituri jistgħu jieħdu t-tfal bejn tliet u tmintax-il sena, tfal u żgħażagħ, biex jieħdu t-tilqima tal-influwenza mhux b’injection imma bi spray, mingħajr ħlas waqt il-vaganzi tal-Milied.”
Fil-kuntest li jeħtieġ tieħu żewġ dożi tat-tilqima għall-influwenza, il-Ministru għas-Saħħa ċċara li mhuwiex minnu li t-tfal u t-trabi ħadu l-ewwel doża ta’ tilqima ta’ ditta u t-tieni doża ta’ tilqima ta’ ditta oħra.
Dan wara mistoqsija oħra tad-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg.
Minflok Chris Fearne qal b’mod ċar li dawk it-tfal u trabi kollha li kienu ħadu l-ewwel doża tat-tilqima tal-influwenza f’Ottubru, fil-fatt ngħataw it-tieni doża b’tilqima tal-istess ditta.
Qal ukoll li sa tmiem il-ġimgħa l-oħra, it-tilqima tal-influwenza kienet miftuħa biss għal persuni vulnerabbli.
Saħaq li sal-ġimgħa l-oħra, mill-225,000 doża tat-tilqima tal-influwenza, intużaw 131,052 doża għall-persuni vulnerabbli.
Aċċenna li dan it-tilqim huwa offrut kollu mingħajr ħlas.
Id-Deputat Prim Ministru fakkar illi s-sena l-oħra, li sa dak iż-żmien kienet sena rekord fl-għoti ta’ tilqim tal-influwenza, il-Gvern kien xtara 100,000 doża li minnha ngħataw 89,000.
Chris Fearne qal li bħalissa t-tilqima hija offruta lill-Maltin u l-Għawdxin kollha mingħajr ħlas.