Żieda rekord fin-numru ta’ turisti li ġew Malta dan hekk l-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika żvela li matul is-sena elfejn u sbatax kien hemm total ta’ żewġ miljun u tlett mitt elf turist li għażlu lill-pajjiżna bħala destinazzjoni turistika. Dan ifisser żieda ta’ sittax fil-mija meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.
Dan ir-riżultat irrifletta tajjeb fuq l-ekonomija Maltija hekk kif waqt il-btala tagħhom it-turisti nefqu u ħallew f’pajjiżna madwar żewġ biljun ewro; li jfisser żieda ta’ kważi erbatax fil-mija.
L-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika nnota li matul l-istess perjodu, kien hemm żieda ta’ għaxra punt tlieta fil-mija fin-numru ta’ ljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna- dan hekk kif bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet, kien hemm total ta’ sittax punt ħames miljun lejl.
B’rabta ma’ din il-kisba importanti l-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi rrimarka li l-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem f’dan is-settur. Huwa semma li ser jiddaħħlu destinazzjonijiet ġodda fosthom Casablanka, San Pietruburgu, kif ukoll pajjiżi fl-Afrika ta’ Fuq; apparti minn hekk ser ikun hemm żieda fit-titjiriet kif ukoll ser ikun hemm aktar investiment fl-infrastruttura.
Saħaq li t-turiżmu huwa kunċett importanti ħafna għall-pajjiżna għall-fatt li minnu jinħolqu bosta opportunitajiet.
Is-settur turistiku huwa sors importanti għall-ekonomija ta’ pajjiżna; iċ-Chairman tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu saħaq dwar l-importanza li tkompli titwettaq din il-ħidma li qed issir sabiex b’hekk aktar turisti iqattgħu l-btajjel tagħhom hawn Malta:
Fl-elfejn u sbatax, l-akbar ammont ta’ turisti li ġew f’Malta kienu mir-Renju Unit b’total ta’ madwar ħames mija u sittin elf u kważi disa mitt turist, u mill-Italja b’aktar minn tlett mija tlieta u sittin elf.