L-edizzjoni li ttellgħet fil-jiem li għaddew ta’ ‘Il-Ġirja t’Għawdex’ kienet waħda storika, hemm kif ħadu sehem rekord ta’ 1,550 atleta minn 51 pajjiż, fejn anke l-edizzjoni ta’ din is-sena hija waħda aktar sinifikanti peress li timmarka l-50 anniversarju minn dan l-avveniment mill-bidu tiegħu.
Ir-rebbieħa tan-nofs maratona ta’ din l-edizzjoni kienu Joseph Arundel u Veronica Kersyte, filwaqt li Rodrick Cilia u Maria Cumbo spiċċaw l-ewwel fit-tellieqa tat-10K, filwaqt li David Borg u Jael Vella rebħu t-tellieqa tal-5K. Arundel kiser ukoll ir-rekord tan-nofs maratona bir-rotta l-ġdida, li kien għand Chartlon Debono, fejn wara li kienu ras imb ras fil-maġġorparti tar-rotta, Arundel avvanza fl-aħħar 2 kilometri. Debono, xorta kiseb rekord personali ġdid.
Mill-ewwel tiġrija li saret fl-1977, Il-Ġirja t’Għawdex kiber minn avveniment żgħir lokali għal kompetizzjoni kbira, fejn anke qed tattira atleti mill-irkejjen kollha tad-dinja. It-tellieqa hija magħrufa għar-rotta ta’ sfida tagħha, fejn anke turi l-ġmiel tal-gzira Għawdxija, b’dik ta’ din is-sena tittella’ wirja magħha fejn ffokat fuq l-ewwel jiem tal-avveniment u l-vjaġġ tiegħu matul ħames deċennji, li tinkludi ċertifikazzjonijiet internazzjonali mill-European Athletics, MAAA u AIMS.
Għall-ewwel darba wkoll, it-tellieqa ġiet imxandra live fuq l-istazzjon nazzjonali TVM Sport, fejn anke kienet aċċessibbli għal udjenza globali.
L-attività kellha wkoll Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fil-25 ta’ April, fejn Mons. Anton Refalo, il-fundatur ta’ Il-Ġirja t’Għawdex, kien preżenti. Mons. Refalo, li mexxa ċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tax-Xagħra fl-1977, kellu rwol ċentrali fit-twaqqif tat-tellieqa, li oriġinarjament kienet maħsuba bħala inizjattiva taż-żgħażagħ biex tippromwovi s-saħħa, il-benessri, u l-impenn tal-komunità.
Fl-indirizz tiegħu, Mons. Refalo irrifletta fuq il-vjaġġ tal-avveniment u t-trasformazzjoni inkredibbli li għadda minnu matul is-snin, u esprima l-gratitudni tiegħu għall-appoġġ kontinwu mill-komunità lokali u l-atleti bl-istess mod, b’mod speċjali l-fatt li l-avveniment reġa’ ġie organizzat kollu kemm hu minn voluntiera miċ-Ċentru taż-Żgħażagħ tax-Xagħra, li l-ħidma u l-impenn tagħhom kienu strumentali biex jiżguraw is-suċċess tat-tellieqa.
Għal din l-edizzjoni, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ sostenibbiltà, t-trofej kollha nħaddmu minn ġebla Għawdxija tradizzjonali żejda li titħalla minn proġetti għaddejja, fejn anke t-tazzi kollha tax-xorb użati mill-atleti kienu 100% kompostabbli, kif ukoll il-karozzi użati wkoll kienu elettriċi.