L-esploratur Conrad Neil Gatt, matul l-inizjattiva t’għeluq it-48 sena tiegħu bl-isem ‘L-Istorja Tkompli’, mexa 51.62 kilometru f’disa’ sigħat u 21 minuta, filwaqt li żar 48 sit storiku u kulturali f’pajjiżna.
Din il-mixja ttellgħet l-Erbgħa, fejn, minkejja l-maltemp li laqat lil pajjiżna, Gatt xorta rnexxielu jirreġistra ħin inqas mill-mira oriġinali ta’ għaxar sigħat u saħansitra jwaqqaf rekord nazzjonali.
L-inizjattiva kellha l-għan li tqajjem iżjed kuxjenza dwar għadd ta’ postijiet storiċi, li jirrakkontaw fażijiet mill-istorja nazzjonali u li jeħtieġu l-attenzjoni minħabba li jinsabu fi stat ħażin.
Numru ta’ skejjel organizzaw ukoll ħarġiet kulturali għal din l-okkażjoni u kienu preżenti biex jagħmlu kuraġġ Conrad Neil Gatt fit-tentattiv tiegħu.