Il-ħaddiema fis-Sala San Ġwanni Pawlu II f’San Vinċenz ingħataw għoti taċ-ċertifikat mill-Malta Records talli ħadmu l-ikbar girlanda tal-Milied. Din inħadmet mill-istaff kif ukoll mir-residenti tas-Sala u ntuża materjal riċiklat.
Attendiet is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Justyne Caruana, li faħħret u rringrazzjat lit-tim tas-sala mmexxi mis-Sur Carmel D’amato għaliex permezz ta’ inizjattivi bħal dawn joħroġ ċar li l-ħaddiema mhux biss iwettqu dmirijiethom, imma wkoll jużaw it-talenti tagħhom biex iferrħu lir-residenti u jagħtu s-serħan tal-moħħ lill-familji tagħhom.
Hija apprezzat il-fatt li r-residenti kienu nvoluti f’din l-inizjattiva wkoll għax dan kompla juri li minkejja l-età kapaċi jibqgħu juru l-ħiliet tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari fissret li hija l-missjoni tal-Gvern flimkien mal-amministrazzjoni u l-istaff kollu ta’ San Vinċenz li, mhux biss tingħata l-kura meħtieġa imma wkoll li jkun hemm qabża fil-kwalità fil-ħajja tagħhom permezz tal-istandards għoljin fis-servizzi li jingħataw.
Raddet ħajr lill-ħaddiema kollha għall-ħidma individwali u kollettiva li twettqet tul is-sena 2016 u tal-koperazzjoni sħiħa li sabet mingħandhom biex jitwettqu ħafna proġetti u inizzjattivi ġodda. Filwaqt li awgurat is-saħħa u l-ġid għas-sena l-ġdida, hija saħqet li fis-sena 2017 din il-ħidma se tissokta u tiżdied biex l-anzjani u l-familji tagħhom ikollhom dak kollu li jixirqilhom.