“Din is-sena qed naraw rekord ieħor fl-investiment li l-Budget 2022 qed jalloka għall-qasam tas-saħħa, dak ta’ kważi biljun ewro.”
Sostna dan id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta li rridu għal Uliedna’, fejn saħaq kif għas-sena d-dieħla ġew ivvutati għall-qasam tas-saħħa disa’ mija u tnejn u sebgħin miljun ewro.
Huwa spjega kif fil-Budget tas-sena l-oħra kien hemm investiti f’dan il-qasam tmien mija u ħamsa u għoxrin miljun ewro, b’żieda addizzjonali ta’ mija u tmienja u tletin miljun ewro li kienu ddedikati kollha biex setgħet tiġi miġġielda l-imxija.
Kif imħabbar it-Tnejn li għadda, tul is-sena d-dieħla se jiġu ntrodotti mediċini ġodda u b’xejn, dan b’investiment ta’ disa’ miljun u disa’ mitt elf ewro u li minnhom se jgawdu sittin elf persuna.
Fost dawn hemm dawk tal-Fibromyalgia, l-EpiPen fl-iskejjel kollha f’pajjiżna, mediċini għaċ-ċirkolazzjoni, trattamenti psikjatriċi u anke mediċini tad-dermatoloġija.
Fil-Kumpless tad-Dipartiment li jordna u jixtri l-mediċini għaċ-ċittadini Maltin u Għawdxin, is-CPSU, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll li fil-formularju tal-Gvern se jiġu ntrodotti mediċini li jiswew ħafna flus fosthom dawk tal-mard rari, mard mentali u anke mediċini mingħajr ħlas għal dawk li jagħżlu li jagħmlu l-proċess tal-IVF.
Chris Fearne qal ukoll kif fl-aħħar xhur is-settur tas-saħħa kien importanti iżjed minn qatt qabel.
“F’dawn l-aħħar sena, sena u nofs speċjalment fil-perjodu tal-pandemija wrejna illi s-sistema tas-saħħa tagħna hija sistema reżiljenti, sistema illi kapaċi mhux biss tbaħħar fil-bnazzi imma kapaċi wkoll tbaħħar fil-maltemp, sistema illi ħarġet lil pajjiżna bl-unuri u fuq kollox illi ħadet ħsieb is-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li s-sena d-dieħla se tingħata importanza partikolari biex jitjiebu s-servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali, fosthom ix-xogħlijiet fuq l-Isptar Monte Karmeli.
Quddiem il-ġurnalisti, id-Deputat Prim Ministru qal ukoll kif għaddejjin ġmielhom ix-xogħlijiet f’Ċentri Reġjonali ġodda, fosthom dak ta’ Ċensu Moran, iċ-ċentru fit-Tramuntana ta’ Malta u anke x-xogħlijiet maġġuri f’dak tal-Gżira u anke tar-Rabat Għawdex.
Spjega wkoll li biex il-pajjiż jilqa’ għal pandemiji futuri, is-sena d-dieħla se tinbena riserva apposta biex is-sistema tas-saħħa tlaħħaq mal-każijiet u ma tiġix affetwata s-sistema ċentrali.
Hemm pjanat ukoll sptar psikjatriku ġdid biswit l-Isptar Mater Dei b’investiment ta’ ħamsa u sittin miljun ewro. Fearne fakkar ukoll li se jiġi estiż il-proġett tal-moniteraġġ tad-Dijabete għal żgħażagħ ta’ bejn is-sittax u l-wieħed wieħed u għoxrin sena.