Suċċess ieħor għas-settur turistiku ta’ pajjiżna wara li sena li għaddiet kienet sena oħra rekord fil-wasliet tat-turisti f’Malta meta żaruna kważi minn żewġ miljun u tmien mitt elf turist, kważi sitta fil-mija meta mqabbel mal-2018.
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li t-turisti li żaru pajjiżna f’Diċembru li għadda waqt il-vaganzi tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena, kienu jammontaw għal aktar ftit aktar minn mija u erbgħa u erbgħin elf u seba’ mija, li tfisser żieda qawwija ta’ kważi 18% meta mqabbel ma’ Diċembru tal-2018.
Din iż-żieda fit-turisti kienet ukoll riflessa fl-infiq tagħhom tant li f’Diċembru biss ħallew fil-bwiet tal-Maltin tmienja u disgħin miljun u tlett mitt elf ewro, żieda ta’ aktar minn 25% fuq Diċembru tal-2018.
L-NSO żied jirrapporta li matul is-sena li għaddiet, waslu f’Malta rekord ta’ kważi żewġ miljun u tmien mitt elf turist, żieda ta’ kważi sitta fil-mija fuq l-2018. In-nefqa tat-turisti bejn Jannar u Diċembru tas-sena li għaddiet kienet ta’ żewġ biljun u mitejn miljun ewro, żieda ta’ 5.7% fuq l-2018. Ras għal ras it-turisti ħallew f’Malta aktar minn €800.
Dawn iċ-ċifri ntlaqgħu b’mod tajjeb mill-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli u qalet li huma xhieda tal-impenn tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu.
Il-Ministru Farrugia Portelli sostniet: “Figuri sbieħ ħafna għaxar snin ta’ suċċess. Is-suċċess ma ġiex waħdu, ħidma mill-ħaddiema tal-MTA ma’ ċertament l-istakeholders li għarfu jinvestu wkoll u jiddiversifikaw il-prodott tagħhom. Inħarsu ‘l quddiem għall-ħames snin li ġejjin anke permezz ta’ konsultazzjoni li ħa nkunu qed nniedu fil-ġimgħat li ġejjin fejn irridu nagħmlu l-planning għall-ħames snin li ġejjin bħala pajjiż u destinazzjoni li tibqa’ attraenti.”
Minn-naħa tiegħu ċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia innota ż-żieda ta’ ftit aktar min erba’ fil-mija fl-għadd ta’ ljieli li qattgħu t-turisti f’Malta li qabżu d-19-il miljun lejl. Qal li dawn ir-riżultati jimlew lill-Awtorita b’ottimiżmu kbir għall-10 snin li ġejjin.



