Fi żmien il-festi hemm min jiċċelebra billi anke jżejjen lilu nnifsu. Ħafna nies tarahom b’dufrejn ħomor, u ħafna jagħmlu xagħarhom tal-okkażżjoni. Iżda raġel minn Idaho, l-Istati Uniti, mar għall-estrem u rnexxilu jwaħħal l-ikbar ammont ta’ blalen tal-Milied mad-daqna tiegħu.
Xejn inqas minn 710 ornament, msejjħa ‘beardaments’ tal-Milied spiċċaw imwaħħal mad-daqna. Dawn jeħtieġu ċertu livell ta’ teknika biex jitwaħħlu u jibqgħu mwaħħlin.
Joel Strasser l-ewwel kiser il-Guiness World Record fl-2019 billi uża 302 ballun, imbagħad għal darb’oħra fl-2020 b’542 ballun, u t-tielet darba fl-2021 b’686 ballun – għalhekk kien wasal iż-żmien għalih li jikser rekord ġdid.
Il-proċess huwa wieħed twil, tant li din is-sena dam sagħtejn u nofs biex waħħal kollox. Barra minn hekk, huwa proċess skomdu: kemm għax tinġibidlu d-daqna l-ħin kollu, kif ukoll għax l-ornamenti kollha flimkien huma pjuttost tqal.