Il-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena laħaq rekord ġdid dan hekk kif kienu mitejn u erba’ miljun ruħ li segwew dan il-festival.
Din il-figura tiżboq lil dik tas-sena l-oħra b’ħames miljuni. Il-Ġermanja li fil-finali ġiet fl-aħħar post kienet l-aktar pajjiż li kellha nies isegwu l-Eurovision. Filfatt kienu aktar minn disa’ miljuni li fid-disgħa ta’ filgħaxija tas-Sibt 14 ta’ Mejju dawru l-istazzjon biex jaraw dan il-festival.
Fatt ieħor interessanti kien li l-Iżlanda, pajjiż li ma kkwalifikax għall-finali kellu iżjed minn ħamsa u disgħin fil-mija tal-popolazzjoni li raw il-Eurovision.
F’Malta huwa stmat li madwar disgħin fil-mija tal-Maltin segwew lil Ira Losco, biex pajjiżna għamilha fost il-pajjiżi minn ta’ quddiem li huma leali lejn il-Eurovision.
Dawn in-numri ħarġu propju llum, f’egħluq is-sittin anniversarju minn mindu sar l-ewwel Eurovision f’Lugano. Dakinhar l-Isvizzera rebħet dan l-ewwel konkors permezz tal-kantanta Lys Assia.