It-Tlieta mill-ġdid ġie rreġistrat rekord ieħor fid-domanda tal-elettriku f’pajjiżna hekk kif id-domanda laħħqet is-663MW.
Dan tħabbar waqt aġġornament ieħor mill-korporazzjoni Enemalta b’rabta mal-aħħar żviluppi fil-provvista tal-elettriku.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona spjega li sa issa l-każijiet ta’ ħsarat telgħu għal wieħed u tmenin każ.
Dan filwaqt li tlieta u ħamsin każ ġew solvuti jew issewwew. Bħalissa għaddejjin it-tiswijiet fuq tmien każijiet ta’ ħsarat differenti.
Cardona rrimarka wkoll li l-ħaddiema tal-Korporazzjoni baqgħu għaddejjin u jżommu l-pass man-numru ta’ tiswijiet li qed jagħmlu. Fil-fatt, il-ħaddiema tal-Enemalta qed isolvu bejn wieħed u ieħor mat-tmien faults kuljum.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli rrimarkat kif il-ħaddiema tal-Enemalta għaddejjin bix-xogħlijiet 24 siegħa kuljum. Hija rrimarkat ukoll kif kruċjali jibqa’ l-investiment massiċċ li qed jagħmel pajjiżna sabiex is-sistema ta’ pajjiżna tibqa’ tiġi mġedda u mtejba.
Fil-fatt, il-Ministru Dalli sostniet li l-prijorità tal-Gvern tibqa’ li dan l-investiment jiġi implimentat u anke li dan isir fl-iqsar żmien possibbli.
Għal jum ieħor, l-Uffiċċju Meteorloġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ħareġ l-ogħla twissija tat-temp, hekk kif is-sħana qawwija kompliet tippersisti.
Dan hekk kif it-Tlieta, it-temperatura laħħqet it-43°C, u nħasset daqs 44°C.
F’dawn l-aħħar jiem, pajjiżna flimkien mal-kumplament tar-reġjun tal-Mediterran qed jesperjenza sħana qawwija.