Kawża tal-maltemp bl-irjiħat li laqtu lil pajjiżna x-xitwa li għaddiet, din is-sena għandna rekord t’alka li qatt esperjenza pajjiżna f’dawn l-aħħar snin. Fejn f’temp ta’ ħames xhur inġabru madwar 3,668 tunnellata, ammont konsiderevoli meta mqabbla mas-snin ta’ qabel.
Wara l-maltempata kbira li laqtet lil pajjiżna f’Ottubru 2016, l-alka kollha minn fuq il-bajjiet kienet tnaddfet u tneħħew b’iktar minn 177 tunellata ta’ skart, iżda sfortunatament, l-isforzi li saru prattikament ma swew għal xejn. Anke operaturi li ilhom joperaw fuq dawn il-bajjiet għal għexieren ta’ snin, qed jistqarru li qatt ma ltaqgħu ma’ din is-sitwazzjoni.
Id-Direttorat tat-Tindif fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura qed ikollu jikri hydraulic excavator li permezz tiegħu tkun tista’ tittella’ l-alka mill-baħar. Ladarba tkun imxarrba, l-alka titħalla fil-post biex toqtor u ma tkunx ta’ periklu għas-sewwieqa meta din tinġarr fit-trakkijiet sabiex tintrema.
Qed ikun hemm talbiet mill-operaturi stess, sabiex jitnaddfu ż-żoni tagħhom malajr kemm jista’ jkun u dawn qed japprezzaw immens l-isforzi li qed isiru, speċjalment fuq il-Bajja tal-Għadira, filwaqt li kkundannaw rapport li deher fuq gazzetta lokali din il-ġimgħa.
Apparti l-Bajja tal-Għadira, sar xogħol fuq il-bajjiet ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, il-Bajja ta’ Spinola, qed titnaddaf il-bajja ta’ taħt il-Pjazza ta’ Buġibba, kif ukoll qed jitnaddfu bajjiet f’Wied il-Għajn, Birżebbuġa u Marsaxlokk. Hekk kif titlesta l-Bajja tal-Għadira se tibda titnaddaf il-Bajja ta’ Golden Bay, Armier, Little Armier u wara, jitnaddfu l-bajjiet inqas popolari bħal Magħtab u Baħar iċ-Ċagħaq. Sabiex dan il-pjan iseħħ, il-Ministeru qed jara li jkun hemm makkinarju għad-dispożizzjoni tad-Direttorat, partikolarment trakkijiet, inkluż fi tmiem il-ġimgħa.
Wieħed irid jifhem ukoll li hemm proċessi tan-natura li jridu jieħdu l-ħin tagħhom matul ix-xhur tax-xitwa u li ħadd m’għandu kontroll fuqhom. Dawn il-proċessi, prattikament jipproteġu lill-bajjiet minn tneħħija ta’ ramel waqt maltempati kbar. Din il-proċedura minn dejjem ġiet segwita u mhux kif ingħad, f’dawn l-aħħar erba’ snin biss.
Bejn Ottubru 2016 sa Marzu 2017 kien hemm dawn l-interventi fuq il-bajjiet li sfortunatament ma swew għal xejn għax l-alka baqgħet titla’ ripetutament.
Il-bajjiet li nġabru l-alka minnhom bejn Ottubru u Marzu kienu il-Bajja ta’ San Ġorġ, Buġibba – taħt il-Pjazza, l-Għadira, l-Armier, Birżebbuġa – Al Fresco, Wied il-Għajn – San Tumas u il-Bajja ta’ Spinola.
L-ammont totali fi tneħħija t’alka kien ta’ 3,668 tunnellata f’ħames xhur
Matul dawn ix-xhur il-ħaddiema li jnaddfu l-bajjiet wettqu xogħol ta’ ftuħ ta’ toroq li kull darba jiġu mblokkati b’materjal ta’ ramel, alka u skart li jtella’ l-baħar. Matul l-aħħar tliet xhur, l-istess ħaddiema ġabru mal-140 tunellata ta’ skart minn fuq il-bajjiet ramlin li tella’ l-baħar miegħu.
Imqabbel mas-snin preċedenti dwar kemm tneħħiet alka:
2013 – 2,472 tunellata t’alka
2014 – 3,598 tunellata t’alka
2015 – 4,177 tunellata t’alka
2016 – 3,475 tunellata t’alka
2017 – 2,238 tunellata t’alka
Il-frekwenzi ta’ tindif żdiedu konsiderevolment minn frekwenza waħda għal żewġ jew tliet frekwenzi u fl-Għadira, jsiru tliet interventi kuljum. Barra minn hekk, żdiedu b’ammont qawwi l-kontenituri tal-iskart fuq il-bajjiet kollha, ġie rduppjat in-numru ta’ slielem li jitwaħħlu tul il-kosta ta’ pajjiżna u għall-ewwel darba, sar investiment f’opra tal-baħar.
Ritratti – MTI