Il-popolazzjoni f’Għawdex fi tmiem il-ġimgħa żdiedet b’aktar minn 20,000 ruħ hekk kif kienu 28,000 passiġġier li qasmu l-fliegu bil-vapur ta’ Għawdex flimkien ma’ 8,000 karozza.
Dan spjegah ic-chairman tal-Gozo Channel, Joe Cordina, li spjega li dan in-numru ta’ passiġġiera kiser kull rekord preċedenti. Dan ifisser li meta wieħed jikkalkula n-numru ta’ passiġġieri li għamlu użu mill-vapur ta’ Għawdex, u jinkudi anke l-vjaġġ lura lejn Malta, it-total globali ta’ passiġġieri kien ta’ 56,000 u 16,000 karozza.
Ic-chairman tal-Gozo Channel stqarr li dan in-numru huwa wieħed sinifikanti meta jiġi kkumparat mal-passiġġieri li jagħmlu użu mill-vapur ta’ Għawdex matul is-sena. Liema numru normalment jibda jiżdied waqt il-festi tal-Milied. L-iktar ġurnata li matula l-Maltin u t-turisti qasmu l-fliegu kien propju s-Sibt.
Joe Cordina rringrazzja lill-ħaddiema tas-sigħat twal li ħadmu biex joffru l-aqwa servizz. Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għat-turiżmu f’Għawdex, Joseph Muscat, spjega li l-ekonomija Għawdxija gawdiet mill-influss li kellha fl-aħħar jiem.
Huwa spjega li kien hemm domanda qawwija għal kull tip ta’ akkomodazzjoni kif ukoll għar-restoranti u għall-fran tradizzjonali Għawdxin. Cordina stqarr li l-Karnival jibqa’ l-aktar tmiem il-ġimgħa popolari f’Għawdex u li l-istabbilimenti jkunu preparati bl-aqwa mod biex joffru prodott tajjeb lil dawk li jkunu għażlu l-Gżira Għawdxija.