Matul is-sena li għaddiet, ir-rata ta’ suċċess ta’ persuni li ħarġu tqal bis-saħħa tal-proċess tal-IVF f’pajjiżna żdiedet b’għoxrin fil-mija. Dan tħabbar mill-Ministru għas-Saħħa, Jo Etienne Abela, waqt li wieġeb mistoqsijiet Parlamentari li sarulu mid-Deputata Laburista Romilda Zarb.
Fost l-oħrajn, tenna li r-rata ta’ persuni li ħarġu tqal fl-2024 permezz tal-IVF kien ta’ aktar minn 46%. Dan filwaqt li r-rata ta’ dawk li welldu trabi minn proċessi tal-IVF fl-2022 kien ta’ 26.64% u 26.88% fl-2023 rispettivament.
B’rabta ma’ din l-aħbar, ONE News tkellem ma’ Simone Attard, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun, li bdiet taħdem fl-2013 mindu skatta tassew il-proċess biex aktar persuni ikollhom iċ-ċans li jsiru ġenituri.
“Rajna qabża kbira fil-preganancy rates mis-sena ta’ qabel. Din is-sena għandna qabża ta’ kważi għoxrin fil-mija fejn tidħol pregnancy rate. Dawn huma kollha frott il-bidliet li saru fil-liġi ovvjament bl-introduzzjoni ta’ servizzi ġodda.”
Il-Kap Eżekuttiv kompliet tispjega li, bis-saħħa ta’ diversi inizjattivi li ħa l-Gvern, is-servizzi tal-IVF ġew imtejba tliet darbiet, b’dan il-proċess jingħata fil-privat u l-ispejjeż kollha jħallashom il-Gvern.
Minbarra hekk, illum, ġenituri li jaħdmu għal rashom u għaddejjin minn trattament tal-IVF, qed igawdu sa 100 siegħa leave mħallas mill-Gvern u ħafna miżuri oħrajn.
“Din il-liġi nbidlet tliet darbiet minn meta daħlet fis-seħħ. Għandna definizzjoni ġdida ta’ xi tfisser ċiklu, jiġifieri n-nies qed ikollhom ċans ikollhom aktar minn ċiklu wieħed, l-introduzzjoni ta’ użu ta’ donaturi, kemm ta’ sperm u anke ta’ bajd. Kif ukoll it-tibdil li sar fil-liġi fejn issa qed nagħmlu s-servizzi tal-PGTM.”
Sadanittant ġie spjegat li, minn meta twaqqfet l-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun sal-lum, twieldu 711-il tarbija. Dan minbarra li hemm 117-il ġenitur prospettiv ieħor li qed jistennew li jwelldu 134 tarbija fix-xhur li ġejjin.
Il-Ministru spjega wkoll li l-Gvern beda jirrifondi l-mediċini għas-servizzi ta’ riproduzzjoni assistita sa minn Jannar tal-2022, għall-ġenituri prospettivi li kienu qed jirċievu s-servizzi fl-ART Clinic tal-Isptar Mater Dei. Dan ġie estiż minn Jannar tal-2023 ukoll għall-ġenituri prospettivi li kienu qed jirċievu s-servizz fil-kliniċi privati f’pajjiżna.
Il-Ministru ħabbar li, sal-lum, ibbenefikaw minn din ir-rifużjoni 1,342 ġenituri prospettivi. It-total ta’ rifużjonijiet mogħtija jammontaw għal kważi żewġ miljuni u tliet mitt elf ewro s’issa.