Għall-ewwel darba f’Awwissu pajjiżna żaruh aktar minn kwart ta’ miljun turist. Kważi 257,000 turist minn madwar id-dinja għażlu lil Malta fix-xahar t’Awwissu. Dan ifisser 3.4% aktar minn dak li ġie reġistrat fl-istess xahar tas-sena l-oħra. Dawn it-turisti qattgħu mat-2.37 miljun lejl f’Malta u nefqu €271 miljun.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dawn ir-riżultati li qed niksbu xahar wara xahar fis-settur turistiku. “Il fuq minn mitejn u ħamsin elf turist f’Awwissu huwa suċċess storiku li mhux ma min jinjorah,” qal il-Ministru Zammit Lewis.
L-infieq minn turisti barra mill-Unjoni Ewropeja żdied b’6.4% meta mqabbel ma Awwissu tas-sena l-oħra. F’inqas minn tlett snin u nofs ta’ dan il-gvern kellna tkabbir fl-ammont ta’ turisti li żaru pajjiżna f’Awwissu aktar mit-tkabbir li rreġistra pajjiżna fl-istess xahar tul l-aħħar leġislatura sħiħa ta’ gvern preċedenti.
It-tkabbir fin-numru tat-turisti matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena kien wieħed straordinarju fejn laħħaq it-8.6% fuq l-istess perjodu tal-2015. L-akbar kontributuri għal dan it-tkabbir kienu s-swieq ta’ Spanja, l-Istati Uniti, l-Olanda u l-Iżvizzera. L-infieq turistiku laħħaq il-€1.157 biljun, 3.6% żieda fuq l-istess xhur tas-sena l-oħra u li ssarfet fi kważi €40 miljun aktar ta’ dħul dirett fl-ekonomija Maltija.