Reklam ta’ promozzjoni dwar is-sbuħija ta’ Malta bħala destinazzjoni għat-turisti qed jixxandar fuq stazzjon televiż ewlieni fl-Istati Uniti, is-CBS, li għandu miljuni ta’ segwaċi.
Ħabbar dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, waqt il-Konferenza Nazzjonali dwar it-Turiżmu.
Hu sostna li pajjiżna qed jagħmel kampanja ta’ reklamar b’saħħitha madwar id-dinja, fosthom b’reklami f’postijiet pubbliċi f’Dubaj, waqt Ii għaddejja l-laqgħa internazzjonali tal-Ġnus Maqgħuda tal-COP28 u anke fil-kapitali tal-Korea t’Isfel, Seoul.
Hawnhekk semma r-reklamar b’saħħtu li qed isir mat-tim Ingliż tal-futbol ta’ Manchester United, fejn semma li bejn it-3 u t-8 ta’ Jannar li ġej, se jiġi f’pajjiżna t-tim tan-nisa ta’ dan il-klabb prestiġjuż. F’Malta r-Red Devils se jilagħbu wkoll kontra t-tim Olandiż tan-nisa ta’ PSV.
F’din il-konferenza, Micallef tenna li pajjiżna diġà laħaq in-numri rekord ta’ turisti li ġew fl-elfejn u dsatax, fis-sena ta’ qabel il-pandemija.
Micallef sostna li kien hemm żidiet sostanzjali mit-turisti li ġejjin mill-Italja, Franza u l-Polonja, meta mqabbel mas-sena elfejn u dsatax. Is-suq Taljan ra l-akbar żieda sinifikanti, hekk kif kien hemm żieda ta’ kważi mija u sebgħa u erbgħin elf turist.
Intqal li f’din ix-xitwa hemm ħafna iżjed titjiriet meta mqabbel max-xitwa li għaddiet, b’total ta’ kważi tlett elef titjira. Dan hekk kif f’din ix-xitwa b’kollox se jkun hemm aktar minn sittax-il elf u tmien mitt titjira.
Sadanittant, l-Erbgħa tħabbar ukoll li l-linja tal-ajru Ryanair se tibda ttir minn Malta lejn Norwich, fil-Lvant tal-Ingilterra, bħala parti mill-iskeda tas-sajf li ġej.