Ir-riżultati rekord li kiseb pajjiżna fl-ewwel sitt xhur tas-sena mis-settur turistiku huwa xhieda tal-ħidma li saret u qed issir mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, l-MTA.
Irrappurtat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, f’intervista mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, li spjega li l-ħidma kienet ilha għaddejja minn 18-il xahar ilu, fl-eqqel tal-pandemija.
“Ħdimna mal-linji tal-ajru barranin, ħdimna mal-AirMalta u għamilna l-pjanijiet tagħna. Kif jaf kulħadd, għad m’għandniex in-numru ta’ flights li kellna dak iż-żmien. Madankollu qed jirnexxielna li jkollna iżjed turiżmu. Dan qegħdin nilqgħuh minħabba li l-flights li qegħdin jaslu lejn pajjiżna qed ikunu mimlijin.”
Micallef sostna li l-Awtorità taħdem ma’ numru ta’ influencers u ġurnalisti, li jiġu f’pajjiżna biex jesponu lil pajjiżna kemm fuq il-midja soċjali u siti internazzjonali, fosthom b’artikli dwar aspetti differenti tal-prodott turistiku ta’ pajjiżna.
Ma’ Carlo Micallef tkellimna wkoll dwar ir-reklamar li qed isir fis-settur sportiv, fosthom dak mal-klabb Ingliż ta’ Manchester United.
“Permezz ta’ Manchester United, qegħdin nilħqu miljuni, jekk mhux biljuni ta’ partitarji, li kieku m’aħniex assoċċjati magħhom, Malta ma kinitx tkun fil-mira tagħhom, Malta ma kinitx tkun fil-ħsieb tagħhom, għax ma jkunux qed ifittxu dwar Malta.”
Micallef semma wkoll il-promozzjoni li saret waqt is-SELA Cup, li saret f’Newcastle u li ġabret flimkien erba’ timijiet mill-Italja, Spanja, Franza u mir-Renju Unit.
“Waqt li konnha Newcastle kellna reklamar ta’ VisitMalta madwar il-belt kollha; fl-istazzjon tal-ferrovija, fil-pjazzez, f’postijiet prominenti tal-belt, kien hemm ukoll kompetizzjoni u reklamar fuq ir-radju lokali ta’ Newcastle, li hemmhekk għal ġimgħa sħiħa, in-nies tar-reġjun semgħu b’VisitMalta l-ħin kollu.”
Micallef tkellem ukoll dwar il-promozzjoni li saret waqt il-kompetizzjoni tal-Giro d’Italia u l-MTA rreklamat ukoll mat-timijiet Maltin tal-futbol li kienu qed jikkompetu fil-kompetizzjonijiet Ewropej, bil-logo ta’ VisitMalta fuq il-flokkijiet tagħhom.
Dan ir-reklamar ħa spinta fl-aħħar snin u ħalla l-frott fit-turiżmu hekk kif din is-sena n-numru ta’ turisti fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena hu wieħed rekord, meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2019.
Il-prospetti għas-settur turistiku għal quddiem jidhru wkoll sbieħ u li se jkomplu man-numri ta’ din is-sena, hekk kif Carlo Micallef sostna li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għaddejja b’ħidma kontinwa għax-xhur li ġejjin. Dan bil-għan prinċipali li jkompli jiżdied it-turiżmu fix-xitwa.
“Bdejna r-reklamar tagħna sabiex inżommu t-turiżmu għaddej sal-aħħar tas-sena u tul ix-xitwa. Għandna iniżjattivi ġodda f’diversi pajjiżi, kemm ta’ reklamar, kif ukoll anki ta’ partnerships li ħa nħabbruhom fil-jiem li ġejjin.”