Is-sit internazzjonali Politico rrapporta kif l-Erbgħa filgħodu sar rejd mill-Pulizija Belġjana u dawk Franċiżi fl-uffiċini tal-Parlament Ewropew, li hu mmexxi minn Roberta Metsola.
Jirriżulta li r-rejd hu marbut mat-tixħim ta’ membri Parlamentari Ewropej biex dawn jimbottaw l-aġenda politika tar-Russja fil-qalb ta’ din l-istituzzjoni Ewropea.
F’dan ir-rejd saru tfittxijiet għand assistent ta’ membru Parlamentari Ewropew Olandiż, Marcel de Graaff, fejn ġie rrapportat li allegatament għandu x’jaqsam ma’ dan il-każ.
Dan hu skandlu ieħor taħt imnieħer Metsola, li ngħata l-isem ta’ ‘Russiagate’, u jsegwi oħrajn, b’mod partikolari ‘Qatargate’ fejn hemm għaddejjin ukoll kawżi l-Qorti, inkluż kontra l-Viċi President ta’ Metsola, Eva Kaili.
Din tal-aħħar kienet qalet li m’għamlet xejn aġixxiet fuq struzzjonijiet tal-istess Metsola f’dan ir-rigward.
It-tfittxijiet tal-Pulizija l-Erbgħa filgħodu nfirxu wkoll fi djar residenzjali ta’ Membri Parlamentari Ewropej partikolari fi Brussell u anke f’uffiċini tal-Parlament Ewropew, kemm fi Brussell u anke fi Strasburgu fi Franza.
Fuq il-midja soċjali, l-Ewroparlamentari De Graaff sostna li hu m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan.
Meta s-sit internazzjonali Euronews staqsa lill-kelliem tal-Parlament Ewropew it-tweġiba kienet biss li huma ma jistgħu jgħaddu l-ebda kummenti dwar investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin.