Fi Brussell, il-Pulizija Belġjana flimkien ma’ dik Ġermaniża wettqet rejd fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, b’rabta ma’ frodi finanzjarju.
Il-Partit Popolari Ewropew huwa l-partit Ewropew li miegħu huwa affiljat il-Partit Nazzjonalista.
Is-sit internazzjonali Euractiv irrapporta li, skont l-ewwel informazzjoni li waslitlu, il-Pulizija Belġjana ssekwestrat kompjuters mill-ewwel u t-tielet sular tal-kwartieri minħabba allegati frodi mwettaq minn membru tal-istaff tal-EPP.
Min-naħa tiegħu l-Partit Popolari Ewropew, fi stqarrija, ikkonferma li twettaq dan ir-rejd minħabba inkjesta li għaddejja fl-istat ta’ Thuringia fil-Ġermanja.
Din l-inkjesta qed tinvestiga allegata korruzzjoni li seħħet waqt l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew li għaddiet, fl-2019.
Rapporti fil-midja internazzjonali qalu li din l-inkjesta ddur madwar il-Kap tad-Demokratiċi Kristjani fl-istat Ġermaniż ta’ Thuringia, Mario Voigt, li mexxa l-kampanja online ta’ Manfred Weber waqt din l-istess kampanja elettorali.
L-inkjesta qed tinvestiga l-għotja tal-kuntratti lill-kumpanija Ġermaniża.
Manfred Weber huwa l-President tal-Popolari Ewropew, li fi Brussell jaħdem spalla ma’ spalla ma’ esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, fosthom l-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil, u l-Membri tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u David Casa.